Lokali

Il-GUG jaqbel mal-proposta li għamel il-Kap tal-PN Simon Busuttil

Il-Grupp Studenti Universitarji Għawdxin, il-GUG , jaqbel mal-proposta li semma’ l-bieraħ fil-Parlament taż-Żgħażagħ, il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni tkellem dwar proposta għal proġett Nazzjonali li joffri infrastrutura ġdida li toħloq sistema ġdida ta’ trasport.

Simon Busuttil ippropona proġett nazzjonali ta’ sistema ta’ trasport taħt l-art. Hu spjega din il-proposta hekk kif kien qed jitkellem dwar l-aċċesibilita’ bejn Malta u Għawdex. Spjega kif hi realta’ li l-Għawdxin għandhom bżonn ta’ aċċess aktar faċli biex jivjaġġaw lejn Malta u anke vice versa. Semma’ kif madwar 5 snin ilu kien l-ex Ministru Chris Said li kien ħareġ bil-proposta ta’ min taħt l-art bejn Malta u Għawdex. Kien anke inbeda studju preliminari u anke studju dettaljat dwar din il-proposta iżda kien twaqqaf kollox qal il-Kap tal-Oppożizzjoni.

Simon Busuttil sostna li minn naħa tiegħu irid jara aċċessibilta’ aħjar mhux biss bejn Malta u Għawdex imma madwar il-pajjiż kollu. Għalhekk semma’ l-proposta ta’ proġett nazzjonali ta’ sistema ta’ trasport taħt l-art.

Fi stqarrija l-GUG qal li jaqbel ma din it-tip ta’ proposta u jemmen li mhux biss ikun jista’ jitnaqqas it-traffiku imma jkun ta’ benefiċċju wkoll għall-Għawdxin l-aktar dawk li jaħdmu jew jistudjaw Malta. Il-GUG semma’ kif b’sistema ta’ trasport taħt l-art il-ħin li persuna tieħu biex tmur minn post għal ieħor jonqos ħafna dan filwaqt li sostna li l-mentalita’ li l-uniku trasport bejn Malta u Għawdex irid ikun bil-baħar hi mentalita’ ħażina. Il-GUG temm l-istqarrija jgħid li tali proġett ikun żgur pass ‘il quddiem fil-qasam ta’ trasport għal pajjiżna.