Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil appella lill-Gvern Laburista biex ma jibqax iniżżel isem Malta fil-ħama u ma jibqax jippersisti fl-arroganza u fl-iżbalji bin-nomina ta’ Leo Brincat għall-Qorti Ewropea tal-Awdituri.
Simon Busuttil għamel dan l-appell meta kien qed jitkellem fil-Każin tal-Partit Nazzjonalista fin-Naxxar. Hu sostna li l-Prim Ministru Muscat issa se jinsisti li wara li n-nomina ta’ Leo Brincat ma għaddietx mill-Parlament Ewropew, din tkun approvata mill-Kunsill tal-Ministri.
Simon Busuttil qal li l-ħtija ta’ dak li ġara dwar Leo Brincat hi kollha tal-Prim Ministru għax kien hu li ħalla lill-Ministru Konrad Mizzi fil-kariga wara li nkixef li għandu kumpanija sigrieta fil-Panama.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista spjega li ma kienux biss id-Deputati tal-Partit Popolari Ewropew li vvutaw kontra n-nomina ta’ Leo Brincat għax il-maġġoranza kbira kontrih turi li kien hemm Soċjalisti, Liberali, Konservattivi u Ħodor li wkoll ivvutaw kontra Leo Brincat.
Simon Busuttil qal li l-vot fil-Parlament Ewropew ikkonferma kemm il-Partit Nazzjonalista għandu raġun jikkritika lill-Gvern Laburista dwar il-korruzzjoni. Iżda quddiem dan kollu, Muscat jibqa’ jaħseb li jista’ jinganna kemm lill-poplu Malti. kif ukoll lill-Parlament Ewropew.
Jekk Muscat jaħseb li jista’ jinganna lill-poplu Malti, il-Parlamnet Ewropew urieh li lilu ma jingannahx għax għall-Parlament ma jgħaddix kollox, qal Simon Busuttil, li sostna li l-Partit Nazzjonalista vvota kontra n-nomina ta’ Leo Brincat għax hu partit ta’ prinċipju u għax hu kontra l-korruzzjoni.
//= $special ?>