Lokali Unjoni Ewropea

“Il-Kunsill Ewropew ma jistax jinjora l-vot qawwi tal-Parlament Ewropew dwar in-nominat tal-Gvern Malti” – l-MEP Soċjalista Ana Gomes

Il-Kunsill Ewropew ma jistax jinjora l-vot qawwi tal-Parlament Ewropew dwar in-nominat tal-Gvern Malti. Kliem l-MEP Soċjalista Ana Gomes, f’kummenti li tat lil Politico.eu, sit tal-aħbarijiet ibbażat fi Brussell.

Ana Gomes ikkummentat mal-Politico ftit wara l-vot fil-Parlament Ewropew, li fih, in-nominat ta’ Muscat falla mill-vot tal-MEPs dwar in-nomina għall-Qorti Ewropea tal-Awdituri. B’kollox 381 MEP ivvotaw kontra Leo Brincat, 229 ivvotaw favur filwaqt li 58 astjenew.

Is-sit Politico.eu rrapporta li l-vot tal-Parlament Ewropew huwa inkwetanti għal Malta, peress li fl-ewwel nofs tas-sena d-dieħla se tieħu f’idejha l-Presidenza tal-Kunsill Ewropew.

Ana Gomes kompliet li l-Kunsill Ewropew m’għandux jinjora l-vot tal-MEPs għaliex Leo Brincat falla mhux b’vot wieħed jew tnejn, iżda b’ħafna. Li l-vot qawwi tal-Parlament Ewropew ikun injorat fil-Kunsill Ewropew, joħloq klima aktar negattiva dwar Malta, kompliet tgħid l-MEP Soċjalista.

Min-naħa tiegħu, l-MEP mill-ħodor Sven Giegold qal, ukoll f’kummenti ma’ Politico, li l-vot tal-Parlament Ewropew jibgħat messaġġ ċar lis-Soċjalisti f’Malta, jiġifieri lill-Partit Laburista: messaġġ kontra l-governanza ħażina.

Is-sit Politico.eu rrapporta li fil-Parlament Ewropew kien hemm mhux MEPs mill-Partit Popolari Ewropew biss li vvutaw kontra Leo Brincat, iżda anke MEPs mill-Ħodor, mil-Liberali u mir-Riformisti – MEPs li huma wkoll kontra l-iskema tal-bejgħ taċ-ċittadinanza.