Ambjent Kunsilli Lokali Lokali

Il-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi kontra l-bini ta’ shooting range ħdejn il-Kappella medjevali ta’ Ħal Xluq

Il-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi qed joġġezzjona għal applikazzjoni ppreżentata lill-Awtorità tal-Ippjanar biex jinbena ‘shooting range’ ħdejn il-Kappella medjevali ta’ Ħal Xluq, fil-konfini tas-Siġġiewi.

Fi stqarrija, il-Kunsill qal li qed joġġezzjona għax l-iżvilupp propost se jikkawża tniġġis mill-istorbju f’żona li hi kkaratterizzata minn kwiet tipiku ta’ żona rurali bħal Ħal Xluq.

Fl-istess waqt, is-sit tal-iżvilupp propost hu madwar 50 metru biss bogħod mill-Kappella ta’ Santa Marija ta’ Ħal Xluq, li għandha valur storiku u kulturali kbir. Għalhekk ħaqqha tiġi mħarsa b’kull mezz possibbli, sostna l-Kunsill, li tenna li l-iżvilupp propost se jkollu impatt negattiv fuq iż-żona bħala ‘Small Rural Settlement’ għal użu residenzjali, skont kif stabbilit mill-Pjan Lokali għall-Majjistral ta’ Malta.

Il-Kunsill sostna li l-iżvilupp propost hu inkompatibbli mas-sit innifsu u maż-żona ta’ Ħal Xluq, li hi waħda rurali u li l-użu tagħha hu limitat għall-agrikoltura.

Is-Sindku tas-Siġġiewi Karol Aquilina qal li l-Awtorità tal-Ippjanar għandha tirrifjuta din l-applikazzjoni mhux biss għax hemm illegalitajiet fejn qed jiġi propost li jsir il-bini ta’ ‘shooting range’, iżda għax il-proposta ma taqbilx mal-karattru rurali taż-żona tal-Kappella medjevali ta’ Ħal Xluq.

Il-Parroċċa tas-Siġġiewi, Din l-Art Ħelwa u residenti taż-żona wkoll qed joġġezzjonaw mal-Awtorità tal-Ippjanar dwar din l-applikazzjoni. Min-naħa tagħha, l-Awtorità tal-Ippjanar se tkun qed tiddeċiedi dwar din l-applikazzjoni waqt laqgħa li se ssir għada fis-2pm fl-Aula Magna.