Waqt laqgħa tal-Kumitat Eżekuttiv, l-Partit Nazzjonalista approva 7 kandidati oħra għall-elezzjoni ġenerali li jmiss. B’hekk, it-total ta’ kandidati għall-elezzjoni ġenerali issa tela’ għal 57. Dan in-numru ma jinkludix il-membri tal-Grupp Parlamentari.
F’kumment wara l-laqgħa tal-Kumitat Eżekuttiv, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil qal “Fil-festi tal-Indipendenza ta’ din is-sena, il-Partit Nazzjonalista se jkun qed jixgħel il-magni elettorali tiegħu u mhux se jitfigħhom sal-elezzjoni ġenerali li l-Partit Nazzjonalista hu determinat li jirbaħ. L-approvazzjoni ta’ aktar kandidati ġodda tfisser pass ieħor ta’ tiġdid tal-Partit Nazzjonalista, li aktar ma jgħaddu ġranet, aktar qed iħejji lilu nnifsu għall-elezzjoni ġenerali.”
Il-kandidati approvati llejla huma Mary Bezzina, Doris Borg, Jean Pierre Debono, Joe Ellis, Paul Mazzola, Ian Vassallo u Stanley Zammit. Sitta minn dawn is-seba’ kandidati qatt ma kkontestaw elezzjoni ġenerali f’isem il-Partit Nazzjonalista, u għalhekk, se jkunu qed jikkontestaw l-elezzjoni ġenerali li jmiss għall-ewwel darba.
Informazzjoni dwar il-kandidati approvati:
Paul Mazzola hu tabib tal-familja. Imwieled il-Belt, joqgħod San Pawl il-Baħar, iżda għandu l-kliniki f’Ħaż Żebbuġ u Ħaż Żabbar. Jaħdem ukoll l-Isptar St James f’Ħaż Żabbar. Ħa l-lawrija tiegħu f’Salerno u ppratika għal żmien twil fl-Italja. Fl-2009 beda jaħdem fl-Ingilterra, iżda ilu jippratika Malta mill-2012.
Mary Bezzina hi Charge Nurse minn Ħal Qormi u toqgħod Marsaskala. Għal ħafna snin, manager tal-Infermiera fl-Isptar San Luqa u fl-Isptar Mater Dei. Taħdem fis-sezzjoni tas-saħħa mentali fiċ-Ċentrut as-Saħħa ta’ Bormla.
Ian Vassallo hu Podjatrista mwieled u jgħix ir-Rabat. Kunsillier fil-Kunsill Lokali tar-Rabat u teżorier tal-Kulleġġ Kunsillieri tal-Partit Nazzjonalista. President tal-BMW Malta u membru tal-Bord tad-Dar tal-Providenza.
Joe Ellis hu avukat Għawdxi. Joqgħod Birkirkara. Eks kandidat tal-Partit Nazzjonalista fuq Għawdex.
Doris Borg hi pensjonanta, u kienet taħdem bħala għalliema. Toqgħod ix-Xgħajra, fejn hi Kunsilliera Lokali.Tagħmel ħafna xogħol volontarju fix-Xgħajra.
Stanley Zammit hu Inġinier, joqgħod Birżebbuġa. Kunsillier Lokali. Rappreżentant Distrettwali tal-Ħames Disrett fil-Kumitat Eżekuttiv.
Jean Pierre Debono hu gradwat fl-istorja u l-komunikazzjoni. Kien ġurnalist tal-media tal-Partit Nazzjonalista, kien President tal-Kumitat Sezzjonali ta’ Ħaż Żebbuġ, kien Rappreżentant Distrettwali tas-Seba’ Distrett fl-Eżekuttiv, kien membru fl-MŻPN, kien Assistent Direttur Informazzjoni, u membru tal-Eżekuttiv tal-Partit għall-aħħar 10 snin. Bħalissa, jokkupa l-kariga ta’ Assistent Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista.
//= $special ?>