Internazzjonali

Juncker jippreżenta l-viżjoni għall-Ewropa wara l-Brexit

Jean Claude Juncker, il-President tal-Kummissjoni Ewropea, preżenta l-viżjoni tiegħu ta’ kif għandha tkun l-Unjoni Ewropea ladarba jseħħ il-Brexit, il-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE.
Diskors li fih Juncker wissa li l-UE qed tħabbat wiċċha ma’ battalja għall-eżistenza tagħha imma wissa li l-Brexit ma kienx ifisser li l-UE krollat. Hawn il-President tal-Kummissjoni Ewropea tenna x-xewqa li l-Gvern ta’ Londra jħabbar uffiċjalment il-ħruġ mill-UE kemm jista’ jkun malajr.
Hu wissa wkoll li mhux se jkun possibbli li r-Renju Unit jagħżel dak li jkun jaqbillu biss meta jkun qed jinnegozja l-ħruġ bħala membru, partikolarment fejn jidħol is-suq intern.
Juncker iddedika parti mid-diskors għan-nuqqas ta’ ruħ soċjali tal-Unjoni Ewropea u l-bżonn ta’ impenn
Dwar il-kriżi tal-immigrazzjoni, Juncker qal li hemm bżonn li l-UE tkabbar l-għajnuna li tagħti lis-settur privat fil-kontinent Afrikan. Dan biex jingħata inċentiv biex jibqgħu f’pajjiżhom u titrażżan l-immigrazzjoni.
Juncker insista li meta wieħed juri solidarjetà, din trid tiġi mill-qalb u mhux tkun sfurzata b’riferiment għan-nuqqas ta’ qbil li hemm dwar l-immigrazzjoni mal-pajjiżi membri tal-Ewropa tal-Lvant.
Qal ukoll li minħabba l-firda li hemm, fl-Ewropa rranka l-populiżmu u l-Ewropa kellha tkun protetta minn dan. Ikkritika l-mod kif qed jiġu stmati ċittadini Polakki fir-Renju Unit fejn anki kien hemm qtil ta’ wieħed minnhom, xi ħaġa li enfasizza li kienet inaċċettabli.
Fl-istess ħin Juncker ħeġġeġ il-pajjiżi membri biex itemmu l-ħolqien ta’ gwardja tal-fruntieri Ewropej kif ukoll koperazzjoni ġdida bejn il-forzi militari tal-pajjiżi membri.
Il-President tal-Kummissjoni qal li hemm bżonn li jissaħħu l-valuri fl-Unjoni Ewropea l-aktar għall-ġenerazzjonijiet tal-ġejjieni.
Id-diskors sar hekk kif il-Ġimgħa fi Bratislava, il-kapitali tas-Slovakkja, se jsir summit tal-Unjoni Ewropea, l-ewwel darba li mhux se jkun hemm mexxej tar-Renju Unit preżenti.