BLOGS

Niċċelebraw u nkomplu nikbru flimkien

Ninsabu ftit jiem biss ’il bogħod mill-bidu tal-festi tal-Indipendenza u allura din se tkun opportunità biex kif qal il-Kap tal-Partit, Simon Busuttil nagħtu bidu għal mixja politika li twassalna sal-bidu uffiċjali tal-kampanja għall-elezzjoni ġenerali li jmiss.
Lilhin minn dan, din hi okkażjoni li l-Partit Nazzjonalista dejjem iċċelebra b’tant importanza għaliex kull sena nfakkru anniversarju ta’ mument storiku f’pajjiżna li ħadem għaliħ il-PN. Fuq kollox dan hu mument politiku li jagħmel lil pajjiżna ikbar fl-istatura politika tiegħu u jirrikonoxxi l-kisbiet kbar li kellu pajjiżna matul is-snin.
Nemmen li l-anniversarju ta’ din is-sena hu opportunità akbar biex bħala Partit fl-Oppożizzjoni nkomplu nikbru u nsaħħu l-messaġġ politiku tagħna. It-tema ‘Nirnexxu lkoll Flimkien’ twassalna biex nirriflettu wkoll dwar dak li sar u qed isir mill-Partit Laburista fil-Gvern iżda fuq kollox dak li aħna bħala Partit nistgħu nagħmlu u fuq kollox għadna nagħmlu biex naċċertaw li nkunu tassew Gvern ta’ kulħadd u mingħajr ebda distinzjoni meta l-poplu jagħżel lilna bħala l-Partit politiku li għandu jmexxi lil dan il-pajjiż.

Opportunita

Din it-tema hi opportunità biex inkomplu nibnu fuq il-viżjoni tagħna li għandu jwassal lill-Partit Nazzjonalista biex eventwalment nippreżentaw il-proposti konkreti tagħna tal-programm elettorali għall-elezzjoni ġenerali li jmiss. Madankollu ikun żball jekk matul dawn il-festi naħlu l-ħin tagħna nitkellmu fuq dak li qed jagħmel il-Gvern u ma nitkellmux dwar dak li aħna bħala Oppożizzjoni qed nagħmlu u nistgħu nkomplu nagħmlu kemm-il darba nkunu fil-Gvern. Wasal iż-żmien li nitkellmu aktar dwarna u dwar x’jagħmel lill-PN aħjar mill-partit fil-Gvern. Dan hu dak li l-poplu jrid jisma’ għaliex effettivament illum kulħadd jaf x’għamel il-PL matul din il-leġiżlatura. Issa hu l-waqt li nitkellmu aktar dwar il-proposti tagħna u l-mod ta’ kif Simon Busuttil se jkun qed imexxi.
Bħala PN għandna x-xorti li ngħidu li l-Kap tagħna hu nadif u kredibbli u tassew jemmen f’politika onesta li tagħti l-opportunità li kulħadd jista’ jirnexxi mingħajr ħadd ma jibqa’ lura, allura ejjew nisfruttaw dan kollu biex inkunu pożittivi u nkomplu nkabbru l-familja tagħna biex tassew noqorbu lejn rebħa politika importanti li ma tkunx biss ta’ dawk li huma Nazzjonalisti iżda ta’ kull Malti u Għawdxi li jixtieq jara lil pajjiżna jirnexxi bħala nazzjon irrispettivament il-kulur politiku li nħaddnu.

Stedina
Fl-isfond ta’ dan kollu nixtieq nieħu l-opportunità li nistieden lil kulħadd biex jattendi dawn il-festi u flimkien inkunu front wieħed bħala partit biex nimxu pass ieħor importanti minn din il-maratona u nżidu l-istamina tagħna biex tassew naslu għall-objettiv finali li nirbħu l-elezzjoni ġenerali li jmiss.
Dan jista’ jsir biss jekk inkunu pożittivi u fiduċjużi f’dak li qed nagħmlu biex tassew nilħqu l-għan tagħna li effettivament hu l-għan ta’ kull Nazzjonalist u ta’ kull Malti u Għawdxi li jemmen fis-sewwa. Jien qiegħed fil-PN għaliex nemmen f’dak li qed jagħmel Simon Busuttil u t-tim li jmexxi u allura jeħtieġ li nkunu tim wieħed wara l-amministrazzjoni, niġbdu ħabel wieħed u nkunu l-forza politika tas-sewwa li tirrappreżenta lil kull ċittadin bl-aħjar mod possibbli u mingħajr distinzjoni.
Iva, ejjew nixegħlu l-magni u kif saħaq il-Kap, ma nitfuhomx qabel l-elezzjoni ġenerali li jmiss, b’determinazzjoni li nirbħu. Għaldaqstant min-nhar is-Sibt li ġej, ejjew niltaqgħu fuq il-Fosos tal-Furjana u flimkien inkomplu nagħtu l-appoġġ lill-PN u nfakkru avveniment tant importanti li ebda partit politiku ma jista’ jħassar mill-istorja ta’ pajjiżna. Niltaqgħu!