Lokali Qorti

Plejer Albaniż ifittex lil Gudja United wara li ma applikawx għall-permess tax-xogħol

Plejer Albaniż li suppost kellu jilgħab ma’ Gudja United, qed ifittex lill-istess klabb ara li dan tal-aħħar naqas milli japplika għal permess tax-xogħol.

Ervin Kurti kien wasal Malta fis-27 ta’ Ġunju tas-sena li għaddiet hekk kif il-klabb Gudja United kien interessat sabiex jingaġġa s-servizzi tiegħu u kien beda jitħarreġ mat-tim.

Fil-Protest fil-Prim Awla tal-Qorti Ċivili kontra George Grech u Gordon Grech f’isem Gudja Utd., l-Avukat Malcolm Mifsud qal li biex ikun impjegat u reġistrat mal-klabb, Kurti kellu bżonn permess tax-xogħol maħruġ mill-Korporazzjoni għax-Xogħol u t-Taħriġ (ETC) u d-diriġenti tal-klabb talbu lill-plejer iħallas €280 li kellha titħallas lill-ETC bħala miżata tal-applikazzjoni.

Sadanittant, Gudja Utd u Kurti iffirmaw kuntratt ta’ xogħol u l-plejer kien ingħata l-impressjoni li huwa impjegat tal-klabbb u seta jħallsu meta jinħareġ il-permess tax-xogħol u jkun reġistrat mal-Malta Football Association (MFA). Madanakollu irriżulta li minkejja li ħallas lill-klabb sabiex japplika għall-permess tax-xogħol, il-klabb qatt ma applika.

Fl-20 ta’ Lulju ta’ din is-sena, il-plejer kellu inċident serju fejn kellu ġrieħi gravi f’rasu waqt sessjoni ta’ taħriġ b’konsegwenzi gravi. Għaldaqstant, jidher ċar li l-klabb aġixxa b’mala fede wara li qatt ma’ applika għall-permess tax-xogħol u qatt ma ħallas il-paga li l-plejer kien intitolat għaliha.

Il-Protest ġudizzjarju għan-nom ta’ Ervin Kurti – li kellu jħalli l-pajjiż – kien iffirmat mill-Avukat Malcolm Mifsud.