Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil iltaqa’ mal-ħaddiema fit-Tarzna ta’ Malta, fejn kellu l-opportunità jitkellem magħhom fit-tul dwar il-ħidma li ssir ta’ kuljum.
Matul iż-żjara, Simon Busuttil ra l-ħidma għaddejja, filwaqt li ddawwar ukoll f’Mużew li jinsab fit-Tarzna u fejn għad hemm makkinarju tal-passat miżmum b’tant għożża.
Matul il-laqgħa, Simon Busuttil qal li din mhux biss kienet żjara importanti għalih, iżda wkoll emozzjonali ħafna għax iqisu bħala post simboliku u benniena għall-ħaddiema. Qalbi qegħda mal-ħaddiema, sostna l-Kap tal-Partit Nazzjonalista.
It-Tarzna, taħt it-tmexxija tal-Familja Palumbo, biddlet industrija ta’ pajjiżna li kienet tgħix fuq it-taxxi tal-Maltin għal industrija li qed issarraf f’investiment qawwi, tant li llum it-Tarzna qed tilqa’ ‘oil rigs’ u ‘super yachts’ għat-tiswija fil-Baċiri Maltin.
Antonio Palumbo, sid it-Tarzna, innota kif il-Gvern għadu jinjora milli mqar jiltaqa’ mat-tmexxija ta’ dan il-post, li jħaddem ammont ta’ nies. Viżibbilment iddispjaċut li t-Tarzna ġiet injorata mill-Gvern, Antonio Palumbo fisser iż-żjara tal-Partit Nazzjonalista bħala messaġġ ta’ rispett.
Matul iż-żjara, il-Familja Palumbo wriet ukoll il-ħsieb li jkompli l-investiment fil-faċilitajiet u l-ħaddiema.