Wara li evidenza maħruġa mill-CABS turi aktar inċidenti ta’ kaċċa illegali, BirdLife Malta qed ittenni s-sejħa lill-Prim Ministru biex jagħlaq l-istaġun tal-Kaċċa fil-Ħarifa.
Filmati li għadha kif ħarġet il-CABS juru l-qtil illegali ta’ għasafar protetti, bħal tajr tal-priża u rsieset, ftit jiem biss wara l-qtil ta’ żewġ ċikonji suwed. Għaldaqstant, BirdLife Malta qed terġa’ tappella lill-Gvern biex jieħu azzjoni kemm jista’ jkun malajr qabel ma jinqatlu aktar għasafar.
It-total ta’ għasafar maqtula illegalment issa tela’ għal 15 fuq medda ta’ ħamest ijiem, b’BirdLife Malta tgħid li dan hu prova ċara li l-multi u l-infurzar mhumiex biżżejjed biex jipproteġu lill-għasafar.
BirdLife Malta fakkret lill-Gvern li l-kaċċaturi jsibuha aktar faċli biex joqtlu għasafar protetti matul l-istaġun miftuħ u li jekk jagħlaq l-istaġun, ikun qed jgħin biex il-ħidma ta’ infurzar tkun aktar effettiva.
BirdLife Malta qalet li se tibqa’ tinsisti li jingħalaq l-istaġun sal-15 ta’ Ottubru, sakemm il-passa tal-għasafar tal-priża tonqos u għalhekk ikun aktar diffiċli li sseħħ kaċċa illegali.
//= $special ?>