Skont id-Deputat Mexxej Laburista Chris Cardona, il-vot qawwi kontra Leo Brincat fil-Parlament Ewropew saħħaħ ir-reputazzjoni ta’ Malta bħala “l-aqwa fl-Ewropa”.
Chris Cardona għamel din id-dikjarazzjoni meta kien mistoqsi minn NETnews.com.mt jekk jaħsibx li l-Prim Ministru Joseph Muscat għandu jirtira n-nomina ta’ Leo Brincat biex ma jkomplix jumilja lil Malta.
Iżda fir-risposta tiegħu, Chris Cardona qal li ma jaqbilx li Leo Brincat umilja lil pajjiżna, “anzi naħseb saħħaħ ħafna l-performance li għandu pajjiżna bħala l-qawa fl-Ewropa” iddikkjara Chris Cardona.
Nhar it-Tlieta li għadda, Leo Brincat falla fil-vot tal-Parlament Ewropew wara li 60% tal-MEPs ivvutaw kontrieh. B’kollox kienu 381 MEP li vvutaw kontra n-nominat ta’ Joseph Muscat.
Chris Cardona kien iffaċċjat ukoll b’mistoqsijiet dwar id-dikjarazzjoni tal-MEP Soċjalista Ana Gomes, li qalet li l-Gvern għandu jieqaf iwebbes rasu b’xi ħadd involut fl-iskandlu tal-Panama. Dwar dan, Chris Cardona ma kkummentax iżda qal li “Ana Gomes nesiet li hemm preċedent ta’ nominati li jiġu approvati mill-Kunsill Ewropew”.
Iżda mistoqsi jekk Muscat ikunx qed imur kontra l-prinċipju demokratiku meta jinjora lill-Parlament Ewropew, l-unika istituzzjoni eletta mill-popli Ewropej, Chris Cardona wieġeb “assolutament li le”.
//= $special ?>