BLOGS

Full speed ahead!

Bla dubju ta’ xejn aħbar li din il-ġimgħa kellha prominenza kienet l-aħbar dwar il-vot tal-Parlament Ewropew nhar it-Tlieta li għadda dwar in-nomina ta’ Leo Brincat biex iservi fil-Qorti Ewropea tal-Awdituri.
Vot li fih b’maġġoranza sinifikanti n-nominat tal-gvern ta’ Joseph Muscat ġie sfiduċjat mill-Parlament Ewropew. Vot li meta wieħed jaħdem ftit matematika sempliċi jsib li ma kinux biss il-Membri Parlamentari Ewropej tal-Partit Popolari Ewropew li tiegħu l-Partit Nazzjonalista hu membru li vvotaw kontra n-nomina ta’ Leo Brincat iżda anke membri parlamentari Ewropej minn partiti xellugin bħal Ħodor, l-Liberali u anke saħansitra xi wħud mis-Soċjalisti.
Ġust jew le, kien messaġġ mill-aktar ċar mill-unika istituzzjoni demokratika tal-Unjoni Ewropea. Messaġġ, li kontra għal dak li qed jipprova jgħid il-Partit Laburista, m’għandu x’jaqsam xejn ma’ rivalità ta’ politika partiġjana lokali iżda hu messaġġ minn din l-istituzzjoni demokratika lill-Gvern ta’ Joseph Muscat li fl-aħħar xhur kien involut f’lista ma taqta’ xejn ta’ skandli mill-aktar gravi u serji.

Ħatra
Hu minnu li fejn tidħol il-ħatra ta’ membru tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri t-Trattati tal-Unjoni Ewropea jagħtu l-kelma aħħarija lill-Kunsill Ewropew fejn fir-realtà hu diffiċli wieħed jimmaġina vot kontra n-nominat tal-Gvern Malti sempliċiment għaliex mhijiex komuni li l-Kunsill Ewropew jieħu deċiżjoni ta’ dik in-natura ġaladarba gvern ikun ippersista u ressaq il-vot quddiemu.
Għalhekk legalment hu perfettament possibbli li minkejja l-vot tal-Parlament Ewropew Leo Brincat jitressaq għall-approvazzjoni tal-Kunsill. Iżda bejn dak li hu legalment possibbli u politkament idoneju spiss ikun hemm differenza.
X’messaġġ ikun qed jibgħat il-Gvern Malti jekk jinjora vot daqshekk qawwi tal-Parlament Ewropew liema vot ma ġiex minħabba d-deċiżjoni ta’ xi blokk politiku partikulari imma mill-vot ta’ membri parlamentari Ewropej minn kull naħa ta l-ispettru politiku? X’relazzjoni jkun qiegħed jibni l-Gvern Malti ftit xhur biss ’il bogħod mill-Presidenza Maltija tal-Unjoni Ewropea mal-unika istituzzjoni demokratikament eletta tal-Unjoni Ewropea? X’rispett lejn il-valuri tad-demokrazija parlamentari jkunu qegħdin jintwerew?
Din il-kwistjoni tmur ferm lil hinn mill-persuna ta’ Leo Brincat u timpatta b’mod dirett il-Presidenza Maltija. Presidenza li bla dubju ta’ xejn kull Malti jixtieq u jawgura bl-aktar mod ġenwin li tkun ta’ suċċess, kemm l-ewwel u qabel kollox għal ġid tar-reputazzjoni ta’ pajjiżna kif ukoll għall-Unjoni Ewropea li għaddejja minn żminijiet ta’ mewġ qalil.

Rieda demokratika
Il-Gvern ikun għaqli jekk fuq din il-kwistjoni ma’ jwebbisx rasu; jaċċetta r-rieda demokratika ta’ istituzzjoni eletta demokratikament, anke jekk hu forsi ma jaqbilx ma’ tali deċiżjoni u b’sens ta’ rieda tajba jikkonsulta mal-Oppożizzjoni biex jinstab kandidat li dwaru ma jkun hemm ebda lok ta’ diffikultajiet fuq livell Ewropew.
Hekk jiġri f’demokrazija normali u hekk għandu jiġri f’pajjiżna. Il-Malti għandu bosta qwiel u idjomi kontra l-piki żejda fosthom li l-piki jaqtgħu l-aptiti. Li l-gvern jagħżel li jkompli għaddej full speed ahead bħallikieku qatt ma ġara xejn għalkemm legalment possibli skont it-trattati, hi ċertament deċiżjoni politika żbaljata li sfortunatament se tkompli tagħmel ħsara kbira lill-isem pajjiżna fi żmien meta tassew għandna bżonn niġbru ġieħ pajjiżna.

Niltaqgħu l-Fosos!
Is-Sibt li ġej jiftħu l-attivitajiet tal-Partit Nazzjonalista għall-Indipendenza fuq il-Fosos tal-Furjana. Hu ċans tajjeb li wieħed igawdi mill-ħafna divertiment li se jkun hemm kif ukoll fl-istess waqt jisma’ l-messaġġ tal-Partit Nazzjonalista u jwassal l-ideat tiegħu wkoll.
Għalhekk ninstab ħerqan biex fil-jiem li ġejjin niltaqa’ ma’ ħafna minnkom il-qarrejja leali ta’ In-Nazzjon.