Il-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi fi stqarrija qal li jilqa’ b’sodisfazzjon id-deċiżjoni tal-Bord tal-Awtorità tal-Ippjanar li jiċħad it-talba għall-ħruġ ta’ permess għall-bini ta’ shooting range ħdejn il-Kappella medjevali ta’ Ħal Xluq fis-Siġġiewi.
Waqt is-seduta tal-Bord tal-Awtorità tal-Ippjanar li saret illum wara nofsinhar, is-Sindku tas-Siġġiewi spjega r-raġunijiet għaliex m’għandux jinħareġ permess għal dan l-iżvilupp. Fost oħrajn is-Sindku tas-Siġġiewi qal li l-bini ta’ shooting range ma jaqbel xejn mal-karattru kwiet tipiku ta’ zona rurali bħalma hi dik ta’ Ħal Xluq fis-Siġġiewi. Is-Sindku spjega wkoll li l-Kappella medjevali ta’ Ħal Xluq għandha valur storiku u kulturali kbir u kwalunkwe talba biex isir żvilupp li jkun ta’ ħsara għaliha għandu jiġi miċħud.
Wara li l-Bord tal-Awtorità tal-Ippjanar ivvota kontra l-applikazzjoni s-Sindku tas-Siġġiewi Karol Aquilina qal “Ilum irnexxielna nipproteġu parti mill-wirt storiku tas-Siġġiewi u ta’ pajjiżna. Din id-deċiżjoni tikkonferma l-bżonn li bħala Kunsill Lokali u bħala komunità nibqgħu dejjem nitkellmu u naġixxu kontra proposti ta’ żvilupp li jkunu ta’ theddida għall-wirt storiku u kulturali tagħna.”
Is-Sindku qal li l-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi se jibqa’ jressaq oġġezzjonijiet tiegħu dwar proposti ta’ żvilupp li huma ta’ ħsara għal-lokalità tas-Siġġiewi fosthom il-bini ta’ 12-il razzett viċin id-Dar tal-Providenza u l-estensjoni ta’ diversi barrieri li jinsabu fil-konfini tas-Siġġiewi.
Is-Sindku Karol Aquilina rringrazzja lill-Parroċċa tas-Siġġiewi, lil Din l-Art Ħelwa u lir-residenti taz-zona ta’ Ħal Xluq talli huma wkoll oġġezzjonaw kontra l-iżvilupp propost.
Ir-rappreżentant tal-Oppożizzjoni fuq il-Bord tal-Awtorita’, Ryan Callus, ivvota kontra u ddikjara li jekk il-permess għal shooting range ikun approvat, se tonqos il-kwalita’ tal-ħajja tar-residenti li jgħixu f’Ħax-Xluq, dan minħabba il-ħsejjes li jinħolqu ta’ kulljum.
Il-Kunsill Lokali kien irrapreżentat fuq il-Bord tal-Awtorità tal-Ippjanar mill-Viċi Sindku Alessia Psaila Zammit.
//= $special ?>