Lokali

Il-Kunsilliera Lokali tal-PN fil-Gudja jitolbu investigazzjoni mill-Awditur Ġenerali u mill-Ombudsman

Wara li lejn l-aħħar tal-2015 tlesta xogħol ta’ asfaltar fit Triq Birżebbugia fil-Gudja, xogħol li sar mill-Kunsill Lokali tal-Gudja u li minnu kienet inkarigata l-kumpanija Med Design tal-Perit Charles Buhagiar, irriżulta li inbidlu l-livelli tat-triq b’mod li żviluppa magħqad tal-ilma kull meta tagħmel ix-xita li qed jaffettwa ħażin ir-residenti.

Din il-bidla fil-livelli saret kontra dak li ddeċieda l-Kunsill f’laqgħat preċedenti, fejn kien diġa’ iddeċieda li l-qlib tal-ilma tat-triq jippermetti li l-ilma jkompli sejjer fid-direzzjoni naturali tiegħu lejn il-wied.

Minkejja li l-Kunsilliera kollha fil-Kunsill, kemm dawk tal-Partit Nazzjonalista u dawk tal-Partit Laburista, staqsew għal diversi drabi min iddeċieda li jinbidlu l-livelli tat-triq, is-Sindku John Mary Calleja, li kien politikament responsabbli mill-proġett, dejjem ħarab mill-mistoqsija u qal li dawn saru skont is-surveyor. Minkejja dan, is-surveyor tal-Kunsill irrisponda bil-miktub li hu “qatt ma ntalab jagħti l-livelli finali ta’ dik it-triq”. Il-Kunsillier talbu wkoll lill-Perit Charles Buhagiar jikteb rapport ta’ kif u għaliex inbidlu l-livelli tat-triq, liema rapport ġie ppreżentat lill-Kunsill fl-aħħar laqgħa iżda li fih il-Perit ma jwieġeb xejn fuq dak li ntalab, tant li l-Kunsill, eskluż is-Sindku, qabel li l-Perit Buhagiar jerġa’ jintalab iwieġeb, u ma jithallasx tar-rapport sa ma jagħmel dan.

Fid-dawl tal-fatt li xi ħadd bejn is-Sindku u l-Perit Buhagiar qiegħed jigdeb lill-Kunsill, il-Kunsilliera tal-Partit Nazzjonalista Mark Anthony Sammut u Stefan Caruana innutaw li huwa stramb li s-Sindku minflok jiddefendi l-interessi tan-nies, qed jiddefendi l-Perit li ġie nkarigat mill-proġett, u talbu lill-Awditur Generali u l-Ombudsman jinvestigaw kienx hemm indħil politiku mis-Sindku biex ittieħdu deċiżjonijiet kontra dak li ġie approvat mill-Kunsill, jekk kienx hemm amministrazzjoni tajba tal-fondi pubbliċi f’dan il-proġett, u min ħa jerfa’ r-responsabbilita’ tax-xogħol li sar u ta’ spejjeż ulterjuri li hemm bżonn biex jiġu irranġati dawn in-nuqqasijiet li qed jaffetwaw ir-residenzi tan-nies.