Il-vot fil-Parlament Ewropew kontra Leo Brincat jistieden tpattija. Tpattija ta’ għajn għal għajn u sinna għal sinna. Dikjarazzjoni mill-MEP Laburista Alfred Sant, f’blog miktub minnu stess.
L-eks-Prim Ministru u eks-Mexxej Laburista kien qed jirreaġixxi għall-vot fil-Parlament Ewropew li fih, 381 MEP ivvutaw kontra n-nominat ta’ Joseph Muscat. Din mhix l-ewwel darba li Alfred Sant uża l-frażi ‘għajn għal għajn u sinna għal sinna’. Frażi li Sant kien uża xi snin ilu.
Riċentament, il-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni tas-Servizzi għall-Ħarsien Soċjali Alfred Grixti wkoll instiga biex il-Gvern jimxi ‘għajn għal għajn u sinna għal sinna’. Diskors li kien ikkundannat mill-Partit Nazzjonalista.
Dwar id-dikjarazzjoni ta’ Alfred Sant dwar “għajn għal għajn u sinna għal sinna”, it-tliet MEPs tal-Partit Nazzjonalista: David Casa, Roberta Metsola u Therese Comodini Cachia, qalu li din id-dikjarazzjoni hija inaċettabbli u li tkompli tkisser ir-reputazzjoni ta’ Malta.
Huma qalu li hu ta’ dispjaċir li eks-Prim Ministru, li qatta’ karriera jipprova jnaddaf lill-Partit Laburista, issa qed jiddefendi l-azzjonijiet indifensibbli ta’ Konrad Mizzi, Keith Schembri u Joseph Muscat.
Ritratt: Silta minn dak li kiteb Alfred Sant fuq f’blog fuq The Malta Independent