Il-Kunsillier Lokali ta’ Marsaxlokk Daniel Zerafa safa vittma ta’ aggressjoni fiżika f’każ li seħħ it-Tlieta li għadda f’Marsaxlokk stess.
Minn informazzjoni li kiseb NETnews.com.mt jirriżulta li l-argument wasal fi tmiem nuqqas ta’ qbil dwar fejn seta’ jarma l-Monti minħabba attività li nżammet fix-Xatt.
L-informazzjoni li għandna tgħid li matul il-jum, waħda mill-bejjiegħa ramat xorta fil-post issoltu assenjat lilha. Meta l-Kunsillier Lokali ġibed l-attenzjoni tal-bejjiegħa, hi għamlet kuntatt ma’ xi qraba tagħha.
Kien hawn li qarib tal-bejjiegħa wasal fil-post u allegatament aggredixxa fiżikament lil Zerafa.
Fi stqarrija wara dan il-każ, il-Kunsill Lokali ta’ Marsaxlokk ikkundanna dak li seħħ għalkemm ma daħalx fil-mertu tal-każ minħabba li dwaru għadhom għaddejjin l-investigazzjonijiet.
Fl-istqarrija, is-Sindku u s-Segretarju Eżekuttiv esprimew solidarjetà ma’ Zerafa, filwaqt li appellaw lil kulmin ikollu xi diffikultajiet jew problemi dwar l-operat tal-Kunsill biex jagħmel kuntat mal-Kunsill innifsu ħalli jsiru d-diskussjonijiet meħtieġa.
//= $special ?>