Internazzjonali

L-eks-President Lula akkużat dwar korruzzjoni

Il-prosekuturi akkużaw lill-eks-President Brażiljan, Luiz Inacio Lula da Silva, li kien ‘il-protagonista ewlieni’ fi skema ta’ korruzzjoni enormi assoċjata mal-kumpanija taż-żejt tal-Istat, Petrobras. L-akkużi jitqiesu bħala daqqa ta’ ħarta serja lil Lula, Soċjalista u ‘eroj tax-xellug’, li kien qed jittama li jirritorna b’suċċess fil-ħajja politika.
Din hi l-ewwel darba li Lula – li baqa’ popolari minkejja l-akkużi ta’ korruzzjoni fil-konfront tiegħu u l-Partit Soċjalista Brażiljan – qed jiffaċċja l-akkużi tal-prosekuturi federali għas-sehem tiegħu fl-‘aġir korrott istituzzjonalizzat’ konness mal-Petrobras.
Deltan Dallagnol, prosekutur pubbliku, qal li l-iskema tal-Petrobras ikkaġunat telf ekwivalenti għal 12.6 biljun dollaru Amerikan, bl-avukati ta’ Lula jsostnu li l-prosekuturi ma kellhomx provi biex jissostanzjaw ‘akkużi relatati għal persekuzzjoni politika intiża biex twaqqaf lil Lula milli jikkuntesta l-elezzjoni tal-2018, fil-Brażil’.
Skont Dallagnol, Lula qed ikun akkużat dwar korruzzjoni u ħasil ta’ flus bħala parti mill-iskema. Il-prosekutur anki rrifera għas-Soċjalista veteran bħala ‘s-surmast ta’ orkestra kriminali’ u qal li ‘l-attivitajiet korrotti tal-Petrobras kienu intiżi biex il-Partit Brażiljan Soċjalista jibqa’ fil-poter bil-mezzi kriminali’.