BLOGS

L-iskandli tal-Gvern ikomplu jħallu l-marka fuq Malta

Din il-ġimgħa kienet karatterizzata bil-vot fil-Parlament Ewropew għan-nomina ta’ Leo Brincat għall-Qorti tal-Awdituri. Deher ċar li ma kinetx se tkun faċli għal Leo Brincat sa mill-grilling li matulu ffaċċja numru ta’ mistoqsijiet ibsin, li pprova jevita iżda ftit irnexxielu.
Mistoqsijiet leġittimi li ġabu lil Leo Brincat dahru mal-ħajt meta ffaċċjat bil-kwistjoni tal-Panama u Konrad Mizzi. Kulħadd jiftakar il-vot ta’ sfiduċja f’Konrad Mizzi u d-difiża li għamel il-Gvern biex jipprova jsalva wiċċ Mizzi minkejja li kien jaf li qed iħammar wiċċ Malta. Dak inhar, bil-vot tagħhom, id-Deputati kollha tal-Gvern, inkluż Leo Brincat, saru protagonisti fl-iskandlu tal-Panama u mhux biss spettaturi. Fi kliem Joseph Muscat stess, min ma jikkundannax il-korruzzjoni jkun korrott hu stess – u l-Gvern Laburista, bil-vot favur Konrad Mizzi, mhux talli ma kkundannawx il-korruzzjoni iżda talli approvawha.

Aktar ħsara lil Malta
B’dawn l-iskandli u Gvern mifni fi kriżi ta’ korruzzjoni, magħquda man-nuqqas ta’ azzjoni, anzi difiża, minn Joseph Muscat, Malta saritilha, u għadha qed issirilha, ħsara kbira. Sintendi, bħal kull mistenni, l-esponenti tal-Partit Laburista jwaħħlu fil-Partit Nazzjonalista għal avvenimenti bħal m’hu l-falliment ta’ Leo Brincat quddiem il-Parlament Ewropew. Iżda fil-verità, kulħadd jaf li l-ħsara lil Leo Brincat, u lil Malta, qed issir mill-Gvern tiegħu stess.
Kif jista’ xi ħadd jippretendi, li Membri Parlamentari Ewropej, li qed jiġġieldu l-korruzzjoni, jivvutaw favur persuna li bil-vot tiegħu fil-Parlament qal li hu kuntent li fil-bank ta’ ħdejh ikollu lill-uniku Ministru fl-Unjoni Ewropea nvolut fl-iskandlu tal-Panama. B’dak il-vot, Leo Brincat approva l-korruzzjoni – ma jista’ qatt ikollu l-Parlament Ewropew favurih.

X’ġab lil Malta f’din is-sitwazzjoni
Minkejja li l-Gvern qatt m’hu se jammetti, il-ħsara lil Malta qed jagħmilha hu stess bin-nuqqas ta’ azzjoni, imbgħad b’azzjoni żbaljata meta vvota favur Konrad Mizzi fil-Parlament. Sitwazzjoni mbarazzanti għal pajjiżna li b’tant tbatija bena reputazzjoni tajba li fi tliet snin u nofs, dan il-Gvern irnexxielu jħarbatha. Joseph Muscat kien Membru Parlamentari Ewropew, suppost jaf li bniedem li kien parti minn Gvern mifni bil-korruzzjoni ma jistax ikollu l-appoġġ tal-Parlament Ewropew, iżda biex ħeles minnu, nnominah xorta waħda.
Hu ċar li s-sitwazzjoni li qed tiffaċċja Malta hija riżultat ta’ Gvern li anke quddiem l-ikbar skandli, ma jieħux azzjoni. Gvern li minkejja li wiegħed trasparenza u kontabbiltà, sal-lum għadu jrid juri li jaf xi jfissru, aħseb u ara li jattwhom.

Il-pass li jmiss
Mhux wieħed faċli għal Malta, għaliex dawn l-avvenimenti li jħammar wiċċ Malta u l-Maltin juru kemm il-ħsara li saret minn dan il-Gvern f’dawn l-aħħar tliet snin f’dak li għandu x’jaqsam mar-reputazzjoni ta’ pajjiżna hi waħda kbira u sinifikanti. Mhux faċli li wieħed juri mod ieħor, anke għaliex il-protagonisti għadhom l-istess nies – Joseph Muscat u sħabu li quddiem il-korruzzjoni m’għamel xejn.
Pajjiżna jixraqlu aħjar. Pajjiżna jixraqlu nies li jmexxuh b’integrità u onestà, li jġibu l-ġid u r-reputazzjoni ta’ pajjiżna qabel kull gwadann personali. Nies li kapaċi jissagrifikaw lilhom infushom biex jaraw lill-pajjiż miexi ’l quddiem. B’hekk il-Partit Nazzjonalista għandu jkun it-tama tal-poplu li meta jiġi l-waqt, jippreżenta ruħu bħala alternattiva valida, alternattiva onesta, biex jerġa’ jkun l-għażla tal-poplu għat-tmexxija tal-pajjiż b’mod ġust, onest u li minnu jgawdi kulħadd – b’hekk nirnexxu lkoll flimkien!