Lokali

L-Oppożizzjoni lesta tappoġġja nomina ġdida għall-Qorti Ewropea tal-Awdituri

…sakemm il-persuna magħżula ma tkunx assoċjata ma’ Konrad Mizzi u Keith Schembri

L-Oppożizzjoni lesta tappoġġja nomina ġdida għall-Qorti Ewropea tal-Awdituri sakemm din tkun persuna mhux assoċjata ma’ Konrad Mizzi u Keith Schembri. Dikjarazzjoni mill-Partit Nazzjonalista, li fiha qal li lest li jappoġġja nomina ġdida sabiex titwaqqaf il-ħsara li qed issir fil-pajjiż bl-iskandlu tal-Panama.

L-Oppożizzjoni appellat lil Leo Brincat biex juri l-irġulija u jżomm il-kelma tiegħu, meta waqt is-smigħ quddiem kumitat tal-Parlament Ewropew, kien qal li lest li jirrispetta r-rieda tal-Parlament Ewropew.

“Jiena se nirrispetta dak kollu li jiddeċiedi l-Parlament” qal Leo Brincat bl-aktar mod ċar meta kien mistoqsi minn wieħed mill-MEPs preżenti.

Iżda minkejja din id-dikjarazzjoni ċara minn Leo Brincat, issa jirriżulta li kemm hu kif ukoll il-Prim Ministru Joseph Muscat se jinjoraw ir-rieda tal-Parlament Ewropew għax se jmorru bin-nomina quddiem il-Kunsill Ewropew.

Dwar ir-raġuni għalfejn Leo Brincat ma setax ikun in-nominat ta’ Malta għall-Qorti Ewropea tal-Awdituri, l-Oppożizzjoni fakkret li Leo Brincat ivvota favur Konrad Mizzi fil-vot ta’ sfiduċja fil-Parlament Malti, u dan l-aġir mhuwiex kompatibbli mal-funzjoni ta’ membru tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri – li xogħlu hu li jikxef l-iskandli, mhux jgħattiehom.

Waqt il-‘grilling’, Leo Brincat ammetta li kien qed jikkunsidra jirriżenja, iżda fl-aħħar mill-aħħar, dan m’għamlux.

Intant, l-Oppożizzjoni temmet tgħid li Malta m’għandiex tidħol għall-Presidenza tal-Unjoni Ewropea b’konfront mal-Parlament Ewropew imdendel fuq rasna minħabba l-egoiżmu ta’ Joseph Muscat, b’appell biex Muscat iwaqqaf in-nomina ta’ Muscat immedjatament.