Minkejja li diversi timijiet għamlu moviment, it-tim nazzjonali Malti żamm l-istess pożizzjoni fir-rankings tal-FIFA li ġew aġġornati llum. Dan wara li fl-aħħar xahar, it-tim Malti kien impenjat f’partita ta’ ħbiberija kontra l-Estonja kif ukoll fl-ewwel partita mill-fażi ta’ kwalifikazzjoni għat-Tazza tad-Dinja tal-2018 kontra l-Iskozja.
Min-naħa ta’ fuq ta’ din il-klassifika, l-Arġentina u l-Belġju żammew l-ewwel żewġ postijiet, bil-Ġermanja titla fit-tielet post u taqbeż lit-tim nazzjonali Kolombjan, bil-Brażil jitla ħames postijiet u jilħaq b’punti ndaqs lill-Kolombja.
Iċ-Ċili, il-Portugall, Franza, l-Urugwaj u Wales ikomplu l-ewwel għaxar pożizzjonijiet. Spanja u l-Italja tilfu tliet pożizzjonijiet u niżlu fil-11 u t-13-il post rispettivament filwaqt li bejniethom hemm l-Ingilterra li kisbet post.
Il-Bolivja kienu l-aktar nazzjon li telgħu postijiet b’total ta’ 35 post, biex issa jinsabu fil-75 post. Min-naħa l-oħra, ir-Repubblika Afrikana Ċentrali tilfu 35 post u niżlu fil-122 post.
//= $special ?>