Lokali

Filmat: “Qegħdin fil-politika biex nassiguraw li l-poplu jirnexxi” – Beppe Fenech Adami

Aħna qegħdin fil-politika biex nassiguraw lil l-poplu jirnexxi u għalhekk bħala tema għall-Festi tal-Indipendenza l-Partit Nazzjonalista għażel Nirnexxu Ilkoll Flimkien.

Kliem il-Viċi Kap għall-ħidma fil-Partit Nazzjonalista Beppe Fenech Adami waqt intervista ma’ Net News dwar l-attivitajiet li l-partit qed jorganizza biex ifakkar it-52 anniversarju mill-Indipendenza ta’ pajjiżna.

Iżda għaliex il-poplu għandu jagħżel lill-Partit Nazzjonalista biex jirnexxi?

Il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista Beppe Fenech Adami spjega kif permezz tal-attivitajiet organizzati l-Partit se jkompli jwassal il-messaġġ tiegħu u dak li bħala Oppożizzjoni qed joffri lill-poplu bħala Gvern alternattiv anke fid-dawl tal-fatt li madwar sena u nofs oħra jkollna elezzjoni ġenerali ukif wkoll hekk kif f’Ottubru jerġa’ jibda jiltaqa’ l-Parlament.

Bħala parti mill-attiviatjiet bħalissa l-Partit Nazzjonalista qed jorganizza programm kuljum fuq radio 101. Programm li jitella’ kuljum minn lokalita’ differenti biex ikunu diskussi diversi temi politiċi bis-sehem tal-pubbliku. Beppe Fenech Adami spjega kif l-iskop ta’ dawn il-programmi hu biex il-partit ikompli jżomm il-kuntatt man-nies.

Sabiex jitellgħu dawn it-tip ta’ attivitajiet il-Partit Nazzjonalista għandu bżonn in-nies, il-volontiera li minn naħa tiegħu l-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista Beppe Fenech Adami, rringrazzjhom tal-ħidma tagħhom mhux biss għal waqt il-festi tal-Indipendenza imma għall-kontribut tagħhom tul is-sena kollha.