Lokali Unjoni Ewropea

Sanzjonijiet fuq Malta jekk Konrad Mizzi ma jmurx quddiem il-kumitat li qed jinvestiga l-iskandlu tal-Panama

Pajjiżna jista’ jiffaċċja sanzjonijiet politiċi negattivi jekk il-Ministru Konrad Mizzi ma jmurx quddiem il-kumitat Ewropew li qed jinvestiga l-iskandlu tal-Panama.

Il-ġurnal Times of Malta żvela żvela dan f’kummenti mal-MEP Soċjalista Ana Gomes, l-istess MEP li fl-aħħar jiem qalet li wara l-vot kontra Leo Brincat fil-Parlament Ewropew, Muscat għandu jirtira n-nomina u jieqaf iwebbes rasu b’xi ħadd li hu involut fl-iskandlu tal-Panama.

Fil-kummenti tagħha ma’ The Times dwar l-iskandlu tal-Panama, Ana Gomes qalet li jekk Konrad Mizzi jinjora l-investigazzjoni tal-Parlament Ewropew, u ma jmurx jidher quddiem il-Kumitat maħtur, ikun qed jissuġerixxi li għandu x’jaħbi.

Konrad Mizzi huwa l-uniku Ministru fl-Unjoni Ewropea li ismu tfaċċa fil-Panama Papers. Wara li faqqa’ dan l-iskandlu madwar id-dinja, il-Parlament Ewropew ħatar kumitat appost biex jinvestiga l-involviment tal-pajjiżi membri. L-MEP Soċjalista Ana Gomes hija d-Deputat Chairperson ta’ dan il-kumitat.

Ma’ The Times, Ana Gomes qalet li hemm sanzjonijiet politiċi li jistgħu jittieħdu kontra dawk il-pajjiżi li ma jikkoperawx. Sanzjonijiet li intużaw fil-passat.

Dawn il-kummenti saru fid-dawl ta’ diversi rapporti fil-media li qed jissuġerixxu li Konrad Mizzi ma jaċċettax li jmur quddiem dan il-kumitat investigattiv – u minflok jibgħat rappreżentant legali. Intant, skont The Times għad mhux magħruf jekk Brussell hux se tkun qed tibgħat delegazzjoni Malta biex tagħmel l-investigazzjoni tagħha hawnekk stess.

konrad mizzi times no show