L-‘audit’ li kellu jsir dwar Konrad Mizzi u Keith Schembri wara li faqqa’ l-każ tal-Panama Papers għadna ma nafux x’sar minnu. L-eżerċizzju ta’ awditjar kien tħabbar mill-Prim Ministru Joseph Muscat f’Marzu li għadda, f’tentattiv biex jikkontrolla l-ħsara li kienet qed issir lill-Gvern.
Il-ġurnal The Times of Malta fakkar kif il-Prim Ministru kien qal li dan l-eżerċizzju kien se jsir minn kumpanija kbira ta’ awditjar. Madankollu, f’mistoqsijiet li ntbagħtu riċentement lill-Uffiċċju tal-Prim Ministru, intqal biss li dan il-proċess għadu għaddej.
Fil-fatt, s’issa għadna ma nafux kemm se jdum l-‘audit’, filwaqt li lanqas ma kienet imwieġba l-mistoqsija ta’ min qed jagħmel din l-‘audit’.
Konrad Mizzi u Keith Schembri kienu fetħu kumpanija sigrieta fil-Panama ftit wara l-elezzjoni tal-2013. Huma kienu ppruvaw jiftħu wkoll kontijiet bankarji, iżda bla suċċess. Kien intqal li dawn il-kontijiet kienu se jinfetħu għal skop ta’ ‘online gaming’ u riċiklaġġ.
Konrad Mizzi hu l-uniku Ministru Ewropew fil-kariga li kien involut f’dan l-iskandlu, li wassal biex il-Parlament Ewropew ivvota kontra n-nomina ta’ Leo Brincat għall-kariga fil-Qorti Ewropea tal-Awdituri.
Il-fatt li Leo Brincat kien ivvota favur Konrad Mizzi f’Mozzjoni ta’ Sfiduċja jidher li kien kruċjali fil-vot finali tal-Parlament Ewropew.
//= $special ?>