Internazzjonali

Hillary Clinton tkompli bil-kampanja għall-Presidenza

L-eks Segretarju tal-Istat Amerikan, Hillary Clinton, li f’Novembru, tikkuntesta għall-Presidenza tal-Istati Uniti f’isem il-Partit Demokratiku, kompliet bil-kampanja tagħha wara li hi,  għal dawn l-aħħar jiem, kienet qed tirkupra mill-effetti tal-pneumonia.

Hi esprimiet sodisfazzjon ‘li qed tirritorna fix-xena’ u, bħalissa, qegħda tagħmel l-almu tagħha biex terġa’ taqbad l-ispinta fil-konfront tar-rivali Repubblikan Donald Trump, speċjalment fl-Istati Amerikani l-aktar importanti.

Dan ukoll wara li l-aħħar stħarriġ mill-Istat kruċjali ta’ Ohio wera vantaġġ ċar għal Donald Trump fuq Clinton.

Fl-aħħar sigħat, Hillary Clinton tkellmet waqt rally f’North Carolina kif ukoll waqt avveniment f’Washington, fejn attakkat il-politika proposta minn Donald Trump.

Min-naħa tiegħu Trump ma żammx lura milli ikkritika bl-aħrax ir-rekord ekonomiku ta’ Clinton u tal-President tal-Istati Uniti, Barack Obama. Fl-istess ħin, ħarġu fil-pubbliku l-aħħar rekords mediċi ta’ Trump li qegħdin juru li l-kandidat Repubblikan jinsab f’kundizzjoni fiżika eċċellenti fl-età ta’ 70 sena.

Fl-aħħar żviluppi, l-uffiċjali wara l-kampanja ta’ Trump ‘irrikonoxxew’, fi stqarrija, li l-President Obama ‘hu mwieled l-Istati Uniti’.  Madankollu, Trump, li kien mexxa lill-moviment li xeħet dubju dwar iċ-ċittadinanza tal-President Amerikan ( li twieled il-Hawaii) irrifjuta li jagħti, personalment, dan ir-rikonoxximent b’mod verbali.

Fil-passat kien hemm spekulazzjoni li Obama ‘twieled il-Kenja u, għaldaqstant, ma kienx eliġibbli biex ikun President tal-Istati Uniti’.