BLOGS

Il-kitba fuq il-ħajt

F’dawn l-aħħar jiem ħarġu sensiela ta’ ċifri sew mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika ta’ pajjiżna kif ukoll mill-‘eurostat’ l-uffiċċju tal-istatistika tal-Unjoni Ewropea. Il-produzzjoni industrjali f’pajjiżna f’Lulju li għadda meta mqabbla ma’ Lulju tas-sena l-oħra niżlet bi 3.5 fil-mija. Il-volum tal-kummerċ bl-imnut fis-sena sa Ġunju li għadda niżel bi 2.7 fil-mija, l-ikbar tnaqqis f’dan is-settur fost il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea. Il-Prodott Gross Domestiku fit-tieni kwart ta’ din is-sena żdied b’4.7 fil-mija meta fl-istess perjodu tas-sena l-oħra kien hemm żieda ta’ 8.6 fil-mija, jew kważi d-doppju.

Fil-ħajja mhux kollox iswed, kif mhux kollox abjad. Mhux kollox ħażin, kif mhux kollox tajjeb. Hekk ukoll għall-finanzi ta’ pajjiżna. Joħorġu ċifri li aħna fost l-aqwa. Joħorġu oħrajn li juruna fost l-agħar.
Wara li l-ġimgħa l-oħra ktibt dwar il-finanzi ta-Gvern fejn f’Lulju kien hemm nuqqas ta’ dħul jekk nipparagunawh mal-istess xahar tas-sena l-oħra, issa ħarġu sensiela ta’ ċifri li ma jagħtux stampa daqshekk sabiħa daqskemm ipinġuha Ministri u uffiċjali ta’ dan il-Gvern. Dawn iċ-ċifri juru li mhux kollox miexi tajjeb għall-ekonomija ta’ pajjiżna. Ċifri li jagħtuna l-kitba fuq il-ħajt jekk irridu nagħtu każ tagħha u li jekk verament nemmnu li l-ekonomija għandha tkompli tikber mingħajr skossi.
Jista’ jkun li wara ħafna snin ta’ żvilupp sostenut l-ekonomija saħnet iżżejjed u għandha bżonn perjodu biex tibred. Jista’ jkun li għadna qegħdin biss ingawdu minn dak li ħalla warajh il-Gvern tal-Lawrence Gonzi, u li fin-nuqqas ta’ pjani ġodda wasalna biex niġġamjaw. Kollox possibbli. Il-ministri u l-uffiċjali tal-Gvern għalhekk qegħdin hemm biex jaraw x’hemm bżonn isir u jwettquh.
Kif jista’ xi ħadd jispjega kif f’ekonomija li suppost qed tikber bil-galopp il-volum tal-kummerċ bl-imnut naqas? Ċifri ppubblikati mill-‘eurostat’ juru li Malta f’Lulju li għadda uriet tnaqqis fil-kummerċ bl-imnut ta’ 2.7 fil-mija fuq Lulju tas-sena l-oħra. Dan hu l-ikbar tnaqqis reġistrat fost il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea. Jidher iktar kemm hu kbir meta nqisu kemm kiber il-kummerċ bl-imnut f’pajjiżi oħrajn.

Flok jiżdied jonqos
Hekk pereżempju fir-Rumanija u l-Lussimburgu kien hemm żieda ta’ 15.5 fil-mija f’tal-ewwel u ta’ 12.2 fil-mija f’tat-tieni. Dan it-tnaqqis għandu jinkwieta lil kulħadd, iżda l-iktar lill-Gvern għaliex kif tispjega li meta suppost kollox sejjer tajjeb, meta n-numru ta’ turisti li qed iżuruna qed jiżdied b’ritmu daqshekk qawwi, il-kummerċ bl-imnut flok jiżdied jonqos? Xi ħaġa ħażina, u ħażina ħafna hemm.
Hemm il-produzzjoni industrjali. L-Indiċi tal-Produzzjoni Industrjali ppubblikat mill-Uffiċju Nazzjonali tal-Istatistika juri li f’Lulju li għadda kien hemm tnaqqis ta’ 3.5 fil-mija meta mqabbel mal-istess xahar tal-2015. Jirriżulta li kien hemm tnaqqis fil-produzzjoni ta’ oġġetti għall-konsum (-7.1 fil-mija); oġġetti intermedji (-5.4 fil-mija) u oġġetti kapitali (-3.1 fil-mija). Min-naħa l-oħra kien hemm żieda fil-produzzjoni tal-enerġija ta’ 3.1 fil-mija. Mal-produzzjoni industrjali hemm marbut s-settur tal-manifattura u madwar 20,000 impjieg li jħaddem dan is-settur. Mhux għaġeb li l-impjiegi f’dan s-settur fl-aħħar snin żdiedu b’biss ftit mijiet!
Ċifri oħrajn ħarġu mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika dwar il-Prodott Domestiku Gross (PDG), jew it-tkattir tal-ġid nazzjonali. Dawn iċ-ċifri juru bl-iktar mod ċar li l-ekonomija ta’ pajjiżna ma baqgħetx iżżomm l-istess ritmu ta’ tkabbir. Qed tiġġamja. Bejn l-2012 u l-2015 kien hemm ritmu sostenut ta’ tkabbir, anke jekk ixxellef xi ftit fl-2014. L-ekonomija kibret b’4.4 fil-mija fl-2012; 6.4 fil-mija fl-2013; 5.5 fil-mija fl-2014 u 8.6 fil-mija fl-2015.
Din is-sena bdejna nitilfu r-ritmu. S’issa ħarġu ċifri għall-ewwel żewġ kwarti tas-sena. Fl-ewwel kwart l-ekonomija kibret b’7.8 fil-mija, ftit inqas mill-ewwel kwart tas-sena l-oħra meta kibret b’7.8 fil-mija. Biss fit-tieni kwart l-ekonomija kibret b’4.7 fil-mija meta fit-tieni kwart tas-sena l-oħra kibret bi 8.6 fil-mija. Mhux xi differenza żgħira!

Hemm xi ħaġa ħażina
Meta l-ekonomija tal-pajjiż tibda tnaqqas mir-ritmu tat-tkabbir hemm xi ħaġa ħażina. Meta l-ekonomija ma tikbirx din ikollha impatt fuq il-finanzi tal-Gvern. Għalhekk ma naħsibx li hi kumbinazzjoni li l-finanzi tal-Gvern f’Lulju li għadda flok komplew żdiedu naqsu. Naqsu f’xahar wieħed b’€14.6 miljun.
Quddiem sitwazzjoni bħal din il-Gvern għandu jieqaf, jaħseb u jiddeċiedi x’se jagħmel. L-infiq tal-Gvern m’għandux jitnaqqas billi titnaqqas in-nefqa kapitali, jew l-investiment tal-Gvern fl-iżvilupp tal-pajjiż. Il-Gvern ħadha drawha li hekk kif tiżdied in-nefqa rikorrenti – parti kbira minnha minħabba żieda fl-impjiegi fis-settur pubbliku li qed jixorbu għexiren ta’ miljuni iktar – jnaqqas in-nefqa kapitali. F’Lulju n-nefqa kapitali naqset b’€10.8 miljun. Fl-ewwel seba’ xhur tas-sena t-tnaqqis kien ta’ €90.6 miljun, jew 38 fil-mija inqas mill-istess perjodu tas-sena l-oħra.

Irid jippjana
Il-Gvern irid jippjana għal meta jasal iż-żmien li ma nibqgħux ingawdu mill-bonanza ta’ miljuni tal-Unjoni Ewropea li ġabu Gvernijiet Nazzjonalisti. Ma jistax għaliex jonqsu l-fondi mill-Unjoni Ewropea jnaqqas l-investiment. Iżda hekk qed jagħmel. Ara fl-ewwel seba’ xhur tas-sena għaliex daħħal €101 miljun inqas f’għotjiet, naqqas l-investiment tiegħu b’€91 miljun. Kulħadd jaf jagħmel hekk iżda l-għaqli ma jiħux din it-triq il-ħafifa li veru tgħinek tibbilanċja, iżda tkun qiegħda tkabbar il-pjaga fil-finanzi tal-istess Gvern għaliex jekk ma jinvestix ma jistax jkollu riżultati pożittivi.
Il-kitba fuq il-ħajt bdiet tidher. Il-politika ekonomika u finanzjarja tal-Gvern li tant tat riżultati diment li kienet għadha tiġbed minn dak li ħallilha l-Gvern preċedenti, jidher li qed tistaġna. Ma jistax ikun mod ieħor għaliex mhemmx ideat u proġetti ġodda. Jekk il-Gvern ma jsibx irkaptu tal-faqar li qed jikber f’pajjiżna, jekk il-Gvern ma jagħmilx l-ekonomija fejn suppost issir u mhux jekonomizza minn dak li jista’ jkabbar l-istess ekonomija, ikun kollu fieragħ li jitkellem dwar full employment. Li jkun hawn ix-xogħol għal kull min irid jaħdem hu pożittiv. Biss mal-impjiegi jrid ikun hemm ħlas tajjeb. Ħlas li jagħti lil min ikun qed jaħdem biżżejjed riżorsi finanzjarji biex jgħix tajjeb u b’dak li jonfoq jdawwar l-ekonomija.
Ma jistax ikun li f’pajjiżna nibqgħu f’sitwazzjoni fejn il-ftit qed jistgħanew u jitħanżru filwaqt li l-maġġoranza titħabat biex twassal sal-aħħar tax-xahar.