Il-Kunsill Lokali tal-Gżira kellu laqgħa mal-management tal-kumpanija MIDI plc dwar l-aċċess għall-pubbliku għal Manoel Island.
Waqt il-laqgħa kien hemm qbil dwar numru ta’ suġġerimenti, fosthom aċċess fil-‘weekends’ bejn it-8 ta’ filgħodu u t-8 ta’ filgħaxija. Madanakollu, l-MIDI trid tlaqqa’ l-bord u titkellem mal-Gvern qabel ma jimmaterjalizzaw is-suġġerimenti tal-Kunsill Lokali. Fis-suġġerimenti tiegħu, il-Kunsill Lokali ppropona sistema ta’ sorveljanza madwar il-gżira.
Fi stqarrija, il-Kunsill Lokali tal-Gżira qal li d-dominju pubbliku mhuwiex konċessjoni mgħoti minn terzi persuni, iżda dritt tal-pubbliku. Wara li l-Kunsill għadda s-suġġerimenti tiegħu, jonqos biss li l-MIDI jagħmel il-parti tiegħu biex jaġixxi fl-interess tal-pubbliku, qal il-Kunsill Lokali tal-Gżira.
Intant, il-Kunsill Lokali saħaq li l-‘clean-up’ ppjanata għal għada fl-10 ta’ filgħodu se ssir xorta waħda għalkemm għad m’hemmx l-aċċess miftuħ kif suppost. Kemm il-Kunsill Lokali tal-Gżira kif ukoll il-Kamp Emerġenza Ambjent qed jappellaw lill-voluntiera biex jingħaqdu għal din il-‘clean-up’.
//= $special ?>