Internazzjonali

Imut l-eks President Taljan Ciampi

L-eks President Taljan, Carlo Azeglio Ciampi, miet fl-età ta’ 95 sena wara żmien jikkumbatti mal-problemi tas-saħħa.

Intant, il-Prim Ministru Taljan Matteo Renzi faħħar lil Ciampi bħala mexxej li, tul karriera twila, stinka ‘bil-passjoni’ għall-ġid tat-Taljani.

Ciampi serva anki bħala Prim Ministru Taljan (mill-1993 sal-1994) u kien għamel żmien bħala Gvernatur tal-Bank Ċentrali tal-Italja.

Fil-fatt, Ciampi jibqa’ magħruf ukoll għal meta, bħala l-Ministru Taljan responsabbli mit-Teżor (bejn l-1996 u l-1999) kien mexxa lill-Italja mill-proċess biex tissieħeb fl-ewro. Hu kien fuq kollox strumentali biex is-sieħba Ewropej tal-Italja jiggarantixxu termini tajbin għal pajjiżu biex jifforma parti mill-proġett monetarju inkwistjoni.

Carlo Azeglio Ciampi anki għen ħafna biex l-Italja tgħaddi mis-snin disgħin diffiċli li kienu ddominati mill-iskandli tal-korruzzjoni.

Hu kien il-President tal-Italja bejn l-1999 u l-2006.