Ir-Russja wissiet li tista’ terġa tibda l-offensiva tal-ajru fuq il-gruppi tar-ribelli ‘moderati’ fis-Sirja, dment li l-Istati Uniti ma tagħmilx aktar biex tbiegħed lil dawn ir-ribelli mill-elementi estremisti fit-territorji Sirjani.
Fil-fatt, uffiċjali ewlenin f’Moska qalu li hemm ‘il-limiti’ għal kemm tista’ tistenna r-Russja, li hi alleata ewlenija tal-Gvern Sirjan.
Taħt ftehim li waqqaf il-ġlied fis-Sirja, jistgħu jkunu attakkati biss (għalissa) it-terroristi tal-ISIS u grupp ieħor, li, qabel, kellu rabtiet uffiċjali mal-moviment al-Qaeda.
Sadanittant, in-Nazzjonijiet Uniti għadha qed tistenna biex twassal l-għajnuna lir-residenti fil-belt Sirjana ta’ Aleppo li għaddiet minn xhur ta’ assedju. Madankollu, in-NU baqgħet ma ngħatatx permess mingħand il-Gvern Sirjan biex it-trakkijiet jaqsmu l-fruntiera u jwasslu l-ikel u l-mediċini lejn l-artijiet (fis-Sirja) ikkontrollati mill-gruppi tal-Oppożizzjoni.
Il-Viċi-Ministru Russu għall-Affarijiet Barranin, Mikhail Bogdanov, qal li r-Russja hi fiduċjuża li l-Gvern tal-President Sirjan, Bashar al-Assad, għandu jonora l-ftehim għall-waqfien mill-ġlied. Iżda Bogdanov sostna li ‘għandu d-dubji dwar kemm se tagħmel l-istess l-Oppożizzjoni Sirjana’
Il-Viċi-Ministru saħaq li l-Istati Uniti teħtieġ tistinka biex tipperswadi lill-gruppi tar-ribelli ‘moderati’ fis-Sirja biex jiddisassoċjaw ruħhom mill-Jabhat Fateh al-Sham, li hu l-akbar moviment ta’ militanti Iżlamiċi fil-pajjiż u li hu eskluż mill-ftehim għall-waqfien mill-ġlied.
F’każ li l-ftehim jibqa’ effettiv għal sebat ijiem, l-Istati Uniti u r-Russja qablu biex jippjanaw flimkien l-attakki fuq il-Jabhat Fateh al-Sham ( li qabel kien magħruf bħala al-Nusra) u fuq it-terroristi tal-ISIS fis-Sirja.
Intant, hu minnu li fis-Sirja hemm il-gruppi tar-ribelli – ħafna minnhom appoġġjati mill-Istati Uniti – li ma wrew l-ebda sinjali li jridu jisseparaw mill-Jabhat, li huma ‘l-alleati strateġiċi’ tagħhom fid-diversi zoni Sirjani.
//= $special ?>