Il-Partit Nazzjonalista lest jappoġġja n-nomina ta’ persuna ta’ integrita’ sħiħa li m’għandha ebda sehem fl-iskandlu tal-Panama. Waqt intervista fuq il-programm “Mhux għax jimpurtani” fuq Radio 101, il-Kap tal-PN Simon Busuttil semma’ l-Ombudsman Anthony Mifsud jew l-Awditur Ġenerali Charles Deguara bħala nies li jaqdu funzjoni ta’ integrita’ u t-tip ta’ nies li għandna ninnominaw għall-Qorti Ewropea tal-Awdituri
Mistoqsi mill-preżentatur Norman Vella, il-Kap tal-PN qal li sa issa, ma kienx hemm kuntatt mill-Prim Ministru dwar il-proposta li għamel il-PN fis-sigħat li għaddew.
Simon Busuttil appella sabiex Joseph Muscat ma jwebbisx rasu u jibqa’ għaddej bin-nomina ta’ Leo Brincat wara l-vot massiċċ kontrih fil-Parlament Ewropew. Hu qal li fil-Kunsill tal-Ministri, f’livell ta’ Gvern, kappell ma jmejjilx ieħor, u għaldaqstant in-nomina ta’ Leo Brincat aktarx tgħaddi mill-Kunsill tal-Ministri. Madanakollu, dan se joħloq kunflitt bejn il-Kunsill u l-Parlament Ewropew, speċjalment fid-dawl tal-fatt li f’Jannar li ġej, Malta se tassumi l-Presidenza tal-UE, li jfisser li jkun hemm Ministru Malti f’kull laqgħa tal-Parlament Ewropew.
Il-Kap tal-PN qal li l-vot kontra Leo Brincat kien wieħed massiċċ u ma kienx tal-MEP’s Nazzjonalisti waħedhom, lanqas tal-Partit Popolari Ewropew waħdu iżda kien tal-partiti kollha rappreżentati fil-Parlament Ewropew, inkluż il-Partit Soċjalista li tiegħu il-Partit Laburista hu membru.
Dwar l-aħħar żviluppi fl-iskandlu tal-visas mediċi, Simon Busuttil qal li hu m’għandux fiduċja fil-Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar. Hu kompla li dan tpoġġa bħala aġent Kummissarju bi prova u jaraw kif jaġixxi wara li rriżenja l-Kummissarju Michael Cassar fl-eqqel tal-iskandlu tal-Panama. Mhux talli l-Kummissarju Cutajar m’għamel xejn fil-konfront tal-Ministru Konrad Mizzi, talli issa m’għamel xejn lanqas fl-iskandlu tal-visas mediċi fejn minn dak li ġie ppubblikat fil-gazzetti, hemm biżżejjed provi biex il-pulizija tipproċedi kontra Neville Gafa’
Mistoqsi dwar il-festi tal-Indipendenza u t-tema ta’ din is-sena “Nirnexxu lkoll Flimkien”, Simon Busuttil qal li dan hu messaġġ ta’ tama hekk kif fil-pajjiż hawn kriżi ta’ tmexxija morali, fis-sens ta’ nuqqas ta’ prinċipju.
Hu ħeġġeġ biex kulħadd jattendi l-festi tal-Indipendenza organizzati mill-PN li jibdew minn għada fuq il-Fosos tal-Furjana. Il-festi jilħqu l-qofol tagħhom it-Tlieta filgħaxija bil-Mass Meeting li se jkun indirizzat mill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil.
//= $special ?>