Lokali Qorti

Konfermata s-sentenza ta’ għomor il-ħabs għall-qattiel tal-Avukat Michael Grech

Il-Qorti tal-Appell Kriminali kkonfermat is-sentenza ta’ għomor fil-ħabs fil-konfront ta’ David Zerafa, ta’ 42 sena minn Nadur, li tliet snin ilu kien ikkundannat din il-piena fi tmiem ġuri ippresedut mill-Imħallef Lawrence Quintano wara li nstab ħati tal-qtil tal-Avukat Michael Grech.

Zerafa, magħruf bħala il-Pixka, kien għadda ġuri akkużat li nhar il-25 ta’ Mejju tas-sena 2004 għall-ħabta tal-10.00 p.m. f’Marsalforn, qatel lill-Avukat Grech.

Huwa kien appella abbażi tal-fatt li ma kienx hemm biżżejjed provi biex il-ġurija raġonevolment setgħet issib ħtija fil-konfront tal-imputat. Apparti hekk, l-Zerafa għamel referenza għall-indirizz tal-Imħallef Quintano. Sostna li f’dan l-indirizz kien hemm direttivi ta’ liġi żbaljati b’mod li kien hemm interpretazzjoni u applikazzjoni żbaljata tal-liġi, li setgħa kellha effett determinanti fuq il-verdett raġġunt mill-ġurati.

Fl-istess waqt, Zerafa qal li fil-kors tal-ġuri saru bosta żbalji u irregolaritajiet proċedurali b’tali mod li huwa ma kellux smiegħ xieraq u dan waħdu għandu jkun biżżejjed biex il-Qorti tal-Appell tirrevoka s-sentenza. Fl-aħħar u mhux lanqas, Zerafa sostna li l-piena inflitta fuqu hija waħda eċċessiva u tmur oltre dak permess mil-liġi.

L-Avukat Grech kien inqatel fil-25 ta’ Mejju 2004 ħdejn ir-residenza tiegħu. Fil-Qorti ħareġ li kien hemm żewġ persuni involuti f’dan id-delitt, li stennew lill-vittma fit-taraġ tal-blokk appartamenti fejn kien joqgħod.
Mix-xhieda ħareġ li kien ġie sparat tir fid-direzzjoni tal-vittma u laqtu fuq in-naħa tal-lemin ta’ għonqu. Jidher li wara li qala’ dan it-tir, il-vittma ħareġ jiġri lejn il-bieb ta’ barra probabbilment iżomm il-ferita b’idu. Jidher li l-vittma tkaxkar sal-garaxx fejn meta kien mal-art wiċċu ‘l isfel qala’ daqqa fuq rasu b’oġġett iebes ħafna u tqil. Din id-daqqa kienet fatali.

Il-Qorti tal-Appell Kriminali ppreseduta mill-Prim Imħallef Silvio Camilleri u mill-Imħallfin David Scicluna u Joseph Zammit McKeon, ċaħdet l-appell ta’ Zerafa għal diversi raġunijiet.
Fost l-oħrajn, il-Qorti tal-Appell ħadet inkosiderazzjoni tal-fatt li l-ġurati f’dan il-ġuri qiesu aktar verosimili l-provi li tressqu mill-Prosekuzzjoni.

Il-Qorti tal-Apell qalet li probabilment il-ġurati qiesu li ma kinitx żbaljata l-identifikazzjoni tal-akkużat li għamlet mart tal-vittma.

Fl-istess waqt il-Qorti tal-Appell għamlet referenza għax-xhieda li taw ħut l-akkużat Emanuel Zerafa u Jeffrey Zerafa, li kienu qalu li meta seħħ il-każ ħuhom kien id-dar. Hawnhekk, il-Qorti tal-Appell qalet li l-ġurati ma jidhirx li qiesu bħala veritjier l-alibi li ppruvaw jagħtu ħut Zerafa.

Min-naħa tagħha, il-Qorti tal-Appell qalet li l-ewwel Qorti kienet ċara fir-raġunijiet tagħha għaliex iddeċidiet li tikkundanna lil Zerafa l-piena massima. Dan għaliex kien delitt premeditat, li twettaq b’determinazzjoni u bi krudeltà, apparti li qieset il-fedina penali kkulurita ta’ l-appellant.

Il-Qorti tal-Appell qalet li bla dubju ta’ xejn hija iddisturbata mill-gravità ta’ dan il-każ li huwa sintomatiku tal-vjolenza esaġerata li xi kultant tisventra l-ordni pubbliku u t-trankwillitża ta’ pajjiżna. Il-Qorti qal-Appell qalet li għalhekk meta jiġru każijiet bħal dan, min ikun responsabbli jrid jirrispondi ta’ għemilu permezz ta’ piena adegwatament ħarxa.
Għaldaqstant il-Qorti tal-Appell ċaħdet it-talba u kkonfermat is-sentenza tal-Ewwel Qorti.