Lokali

Mara fil-periklu tal-mewt wara li tittajjar f’Tas-Sliema

Mara tinsab fil-periklu tal-mewt wara li ttajjret minn vettura fi Triq ix-Xatt f’Tas-Sliema.

L-inċident seħħ għall-ħabta tat-8.15 ta’ filgħaxija meta l-mara kienet qed taqsam it-triq. Hi ttajjret minn vettura tat-tip Peugeot 407, misjuqa minn żagħżugħ ta’ 20 sena residenti l-Gżira. Il-karozza kienet qed tinstaq fid-direzzjoni lejn il-Gżira.

Jirriżulta, minn informazzjoni li għandu NETnews.com.mt, li ż-żagħżugħ prova jevita lill-mara waqt li din kienet qed taqsam it-triq, iżda kien kollu ta’ xejn. B’konsegwenza tal-manuvrar, iż-żagħżugħ laqat xi vetturi pparkajti.

Il-mara li ttajjret għandha madwar 50 sena u hi residenti in-Naxxar. Mill-post hi ttieħdet l-isptar Mater Dei fejn hemmek kienet ċertifikata li tinsab fil-periklu tal-mewt.

Kawża tal-inċident, għal xi ħin inġema’ traffiku kbir fl-inħawi.