Lokali Qorti

Protest ġudizzjarju mill-UĦM u l-MAM isejjaħ lill-Gvern jippubblika l-kuntratti ma’ Vitals Global Healthcare

Il-UĦM Voice of the Workers u l-Assoċjazzjoni Medika Maltija (MAM) dalgħodu ppreżentaw protest ġudizzjarju fil-Prim Awla tal-Qorti Ċivili li fih qed isejjħu lill-Gvern jippubblika l-ftehim iffirmat ma’ Vitals Global Healthcare għat-tmexxija tal-Isptarijet San Luqa, Karin Grech u l-Isptar Ġenerali ta’ GĦawdex.

Fil-Protest, li tressaq fil-konfront tal-Prim Ministru Joseph Muscat, il-Ministru tas-Saħħa Chris Fearne, il-Ministru Bla Portafoll Konrad Mizzi u d-Direttorat tal-Health Care Services Standards, iż-żewġ unions talbu wkoll biex jibagħtu l-kuntratti kollha għal proċess ta’ “due diligence” lill-Awditur Ġenerali biex jara li kollox sar b’integrita’ u skont il-liġi fl-interess tal-poplu Malti u Għawdxi kollu.

Il-unions qed jitolbu wkoll li jiġi assigurat li Vitals Global Healthcare għandha l-permessi u l-liċenzja kollha skont il-liġi u li tali liċenzji ma jinħarġux biss għall-konvenjenza iżda wara li jsiru l-verifiki kollha fl-aħjar interess tas-Saħħa Pubblika għall-poplu Malti u Għawdxi kollu.

Talbu wkoll li jkun assikurat li sakemm jiġri dan kollu – jiġifieri l-pubblikazzjoni tal-ftehim, il-verifika tal-kuntratti mill-Awditur Ġenerali u li l-liċenzji li jinħarġu huma fl-interess tas-saħħa pubblika – Vitals Global Healthcare ma toperax u ma tamministrax kemm parzjalment kif ukoll b’mod sħiħ, ebda wieħed mill-isptarijiet imsemmija.

Fil-protest, il-UĦM u l-MAM – li jirrappreżentaw l'”Allied Health Professionals” u t-tobba rispettivament – qalu li jinsabu fi trattattivi mal-Gvern sabiex jintlaħaq ftehim dwar l-operat ta’ dawn l-isptarijiet. Il-unions ilhom żmien twil jitolbu li jaraw il-ftehim milħuq bejn il-Gvern u Vitals Global Healthcare peress illi qegħdin jinnegozjaw fil-għama għad-detriment tal-ħaddiema membri tagħhom.

Il-unions qalu wkoll li fil-ġranet li għaddew, Vitals Global Healthcare ħarġet sejħa għal diversi professjonisti fosthom Physiotherapists, Occupational Therapists, Social Workers kif ukoll tabib fil-kariga ta’ konsulent fil-kura tal-emerġenzi.

Għaldaqstant, minkejja li għadu ma ntlaħaqx ftehim bejn il-Gvern u l-unions, il-proċess ta’ public private partnership għadu għaddej qisu xejn m’hu xejn anki jekk id-diskussjonijiet tal-uions mal-Gvern kienu ntiżi appuntu sabiex jintlaħaq ftehim qabel dan l-arranġament jidħol fis-seħħ.

Il-Protest ikompli li l-Gvern qed imur kontra kull buon sens u prattika serja industrijali meta qed jinnegozja mal-unions abbażi ta’ ftehim li għandu ma’ Vitals Global Healthcare, li hu ta’ interess pubbliku għaliex jolqot direttament is-saħħa pubblika, u qed iżommu mistur b’riżultat li m’hemmx level playing field fin-negozjati bejnu u l-unions.

Il-unions qalu wkoll li hu intempestiv u irresponsabbli min-naħa tal-Gvern li jawtorizza u jħalli lil Vitals Global Healthcare tkompli bil-proċess tagħha sabiex topera dawn l-isptarijiet, aktar u aktar meta s’issa ma jirriżultax fid-dominju pubbliku li Vitals Global Healthcare għandha l-permessi u l-liċenzji skont il-liġi.

Il-Protest Ġudizzjarju kien iffirmat mill-Avukat Ian Spiteri Bailey

Il-PN jingħaqad mal-unions fis-sejħa għall-pubblikazzjoni tal-kuntratti

U fi stqarrija, il-Partit Nazzjonalista jingħaqad mar-rappreżentanti tal-ħaddiema tal-Isptarijiet u jinsisti mal-Gvern biex b’mod immedjat, jippubblika l-kuntratti kollha li ffirma f’isem il-poplu Malti u Għawdxi. Il-PN qal li ladarba għadu qed iwebbes rasu u jżomm kollox sigriet, sinjal li l-Gvern għandu x’jaħbi.

Il-Partit Nazzjonalista ilu jinsisti biex dawn il-kuntratti jiġu ppubblikati sa minn meta ħarġet l-aħbar li dawn il-kuntratti ġew iffirmati. Il-Gvern, iżda, baqa’ jwebbes rasu u jinsisti li ma jippubblika ebda kuntratt li nnegozjaw il-Ministru Konrad Mizzi u c-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri – kemm fis-settur tas-saħħa kif ukoll fis-settur tal-enerġija. Min innegozja dawn il-kuntratti li l-Gvern qed jinsisti li jżommhom sigrieti nqabdu li fetħu kumpaniji sigrieti fil-Panama biex fihom jitfgħu s-senserija.