‘Street View’ dalwaqt disponibbli għal Malta
Fi ftit żmien se tkun tista’ timxi fit-toroq ta’ Malta Malta b’mod virtwali, permezz tal-Google Maps, peress li l-Google se tkun qed tintroduċi l-faċilità ‘street view’ għal Malta.
Fi stqarrija, il-kumpanija Google ħabbret li mid-19 ta’ Settembru li ġej, karozzi speċjalizzati tal-Google se jkunu qed jaslu Malta biex jibdew isuqu mat-toroq Maltin u jieħdu ritratti dettaljati tat-toroq kollha ta’ Malta. Ir-ritratti mbgħad jkunu inkorporati f’Google Maps.
Permezz ta’ dan il-proċess, persuna se tkun tista’ tesplora u timxi fit-toroq ta’ Malta b’mod virtwali, billi tuża l-faċilità ‘street view’ fuq il-Google Maps. Wieħed ikun jista’ mhux biss jesplora iżda jara t-toroq fuq livell panoramiku, daqslikieku miexi fihom.
Il-faċilità ‘Street View’, li kienet bdiet fl-2007, diġa teżisti għal ħafna pajjiżi barranin u dalwaqt se tkun disponibbli wkoll għal Malta. Filfatt, din il-faċilità hija disponibbli għal 77 pajjiż.
Il-karozzi ta’ Google, li jaslu Malta nhar it-Tnejn, l-ewwel se jibdew jieħdu r-ritratti tal-Belt Valletta u aktar tard ikomplu fi bliet u rħula oħra. Dan il-proċess se jibqa’ għaddej sal-aħħar ta’ Ottubru.
Ritratt: eżempju ta’ waħda mit-toroq f’Ruma kif tidher bil-faċilità ‘street view’