Il-Mexxejja tal-pajjiżi-membri tal-Unjoni Ewropea huma qrib li jikkonkludu summit ta’ jum fi Bratislava, il-kapitali tas-Slovakkja. Dan wara li huma ddiskutew il-problemi tal-Unjoni u l-futur wara li r-Renju Unit iddeċieda biex joħroġ minn mal-grupp ta’ pajjiżi, permezz tar-referendum storiku ta’ Ġunju.
Il-Mexxejja ddiskutew ukoll il-mezzi biex l-UE tirbaħ lura l-fiduċja u l-Kanċillier Angela Merkel wissiet li l-Unjoni tinsab ‘f’kundizzjoni kritika’ waqt li teħtieġ ‘is-soluzzjonijiet’. Merkel kompliet li l-mexxejja tal-Ewropa, issa, jeħtieġu juru li jistgħu jwasslu għal titjib fl-oqsma tas-sigurtà, id-difiża, il-koperazzjoni u l-ekonomija.
Intant, l-Istati tal-UE għandhom id-differenzi dwar kif jistimolaw l-iżvilupp u jirreaġġixxu għall-influss tal-immigranti.
Il-President tal-Kunsill Ewropew, Donald Tusk, qabel is-summit, ħeġġeġ biex il-mexxejja Ewropej ikunu sinċiera fil-mod kif huma iħarsu lejn u jevalwaw il-problemi tal-Unjoni. Dan wara li hu sostna li l-Ewropa kellha tiffaċċja numru ta’ kriżi fl-aħħar xhur u ma tistax taġixxi daqslikieku mhemm xejn ħażin.
Filwaqt li dan is-summit ma trattax in-negozjati mar-Renju Unit li vvota għall-Brexit xhur ilu, il-mexxejja Ewropea xorta qegħdin iħarsu lejn il-futur bħala blokk ta’ 27 pajjiż.
Il-Kanċillier Merkel qalet, fost oħrajn, li wieħed ma jsolvix il-problemi kollha tal-Ewropa f’summit wieħed u temmen li l-Mexxejja jridu juru, bl-azzjonijiet tagħhom, li kapaċi jiksbu riżultati aħjar fl-oqsma tad-difiża u s-sigurtà, kif ukoll fil-ġlieda kontra t-terroriżmu.
Filwaqt li r-riżultat tar-referendum tar-Renju Unit ma kienx fuq l-aġenda tat-taħditiet fi Bratislava, ftit kien hemm dubju li s-summit kien qed isir ‘taħt id-dell tal-vot għall-Brexit mill-Britanniċi’. Il-Prim Ministru tar-Renju Unit,. Theresa May, sadanittant, ma kenitx preżenti fi Bratislava.
Il-President ta’ Franza, Francois Hollande, qal, qabel tmiem is-summit, li ‘l-Ewropej jistgħu jagħżlu t-triq tad-diżintegrazzjoni inkella jaħdmu flimkien biex jagħtu spinta ġdida lill-proġett ‘Ewropa’.’
Min-naħa tiegħu, Donald Tusk irid jirristawra l-istabbilità u l-kredibbiltà tal-UE li qed tikkonfronta kriżi tal-immigranti u kwistjonjiet relatati għall-ewro.
Ir-reazzjoni tal-UE għall-influss tal-immigranti, sadanittant, tibqa’ fost l-aktar aspetti polemikużi fost l-Istati membri.
Għaldaqsant, il-Mexxejja fi Bratislava, ilbieraħ, trattaw, fil-parti kbira, suġġetti – fosthom l-immigrazzjoni, is-sigurtà u l-globalizzazzjoni — fejn jidher hemm il-qbil komuni u li huma relevanti għat-tħassib tal-votanti.
//= $special ?>