Lokali

AĠĠORNATA: Mara tmut wara li kienet qed tgħum f’Kemmuna

Mara ta’ 61 sena mill-Olanda tilfet ħajjitha wara li kienet qed tgħum f’Kemmuna. Kien għall-ħabta ta’ nofsinhar u għaxra meta ntalbet l-assistenza tal-Pulizija peress li persuna ntilfet minn sensieha waqt li kienet qed tgħum.

Il-mara kienet qed tagħmel snorkeling fl-inħawi ta’ bejn il-Blue Lagoon u l-bajja magħrufa bħala Tal-Ħmara.

Il-mara ttellgħet l-art minn xi għaddasa li dak il-ħin kienu fuq luzzu għaddejjin mill-inħawi u ngħatat l-ewwel għajnuna minn membri tal-Emergency Rescue and Response Corpse. Fuq il-mara sar ukoll intervent urġenti permezz tas-CPR biex tingħata n-nifs.

Madanakollu l-mara kellha tittieħed l-isptar Mater Dei permezz ta’ ħelikopter fejn hemmek kienet iċċertifikata mejta.

Dwar il-każ inħatru diversi esperti biex jassistu f’inkjesta maġisterjali mill-Maġistrat tal-Għassa Joanne Vella Cuschieri.