Lokali

Amy Camilleri Zahra preżentata l-premju ‘Ambassador’s Woman of Courage Award’

Amy Camilleri Zahra, li għelbet il-battalja kontra l-marda qerrieda tal-meninġite, ġiet preżentata l-premju ‘Ambassador’s Woman of Courage Award’, preżentat mill-Ambaxxatriċi Amerikana għal Malta Kathleen Hill.

Amy kienet preżentata dan il-premju l-Ħamis li għadda għall-impenn eċċezzjonali u kuraġġuż tagħha fil-ġlieda għad-drittijiet tal-bniedem, b’mod partikolari d-drittijiet tan-nisa u l-persuni b’diżabilità.

F’diskors tal-okkażjoni, L-Ambaxxatriċi Hill tkellmet fuq l-impenn tal-President Barack Obama biex jippromwovi soċjetà li tapprezza l-kontribuzzjonijiet taċ-ċittadini u r-residenti kollha tagħha – inkluż l-madwar 50 miljun ruħ fl-Istati Uniti tal-Amerka li jgħixu b’diżabilità.

Fl-aħħar snin, fost dawk li rċevew il-premju ‘Ambassador’s Woman of Courage’ hemm il-Kummissarju għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza Renee Laiviera, id-Direttur tal-Jesuit Refugee Service Katrine Camilleri, u l-Koordinatur tal-Malta Gay Rights Movement Gabi Calleja.