Applikazzjoni minn Yana Mintoff Bland għal dar ta’ żewġt ikmamar fuq art ODZ fi Xrobb l-Għaġin ġiet approvata mill-awtoritajiet, bl-għaqdiet Nature Trust u Front Ħarsien ODZ jgħidu li jinsabu mħassbin serjament dwar dan. Yana Mintoff Bland hi t-tifla tal-eks-Prim Ministru Dom Mintoff.
Yana Mintoff Bland mhux biss ingħatat permess li tikkonverti r-residenza, iżda wkoll li tħaffer partijiet mill-art biex tibni ġibjun. Skont l-għaqdiet ambjentali, il-permess għall-bini ta’ ġibjun ħareġ b’mod mgħaġġel – fi żmien xahar.
Iżda fi stqarrija, Nature Trust u Front Ħarsien ODZ qalu li l-applikazzjoni kienet approvata fuq bażi ta’ permess li ħareġ fl-2002 iżda li ma mmaterjalizza qatt. L-għaqdiet komplew li filfatt, il-binja qatt ma ntużat bħala residenza. Huma stqasew kif jista’ jkun li binja li qatt ma ntużat bħala residenza, issa ġiet approvata bħala residenza minkejja li tinsab fuq art ODZ.
Fi Frar li għadda, il-Kummissjoni dwar l-Ippjanar approvat il-konverżjoni tal-binja, minkejja li din tinsab fuq irdum li hu klassifikat bħala żona ta’ importanza ekoloġika u ta’ valur għoli. L-għaqdiet ambjentali komplew li l-binja tinsab ukoll qrib numru ta’ fdalijiet storiċi, fosthom fdalijiet mit-torri ta’ De Redin, li jmur lura aktar minn 350 sena. Eżatamment quddiem il-binja hemm salini tal-melħ u warajha hemm park naturali.
L-għaqdiet ambjentali temmew jgħidu li għandu jsir assessjar ġeoloġiku biex ikun stabbilit jekk kwalunkwe xogħol ta’ tħaffir hux se jhedded iż-żona protetta tal-madwar u l-fdalijiet storiċi li hemm fil-qrib.