Lokali

Erba’ persuni jweġġgħu f’inċident wara li karozza taqbeż ‘central strip’

Erba’ persuni weġġgħu f’inċident tat-traffiku li seħħ ilbieraħ filgħaxija fil-Marsa. Wieħed mill-persuni weġġa’ gravi, iżda ma jinsabx fil-periklu tal-mewt. It-tliet persuni l-oħra weġġgħu ħafif.

L-inċident seħħ għall-ħabta tad-9 ta’ filgħaxija fil-bypass tal-Marsa. Jirriżulta li karozza tat-tip Kia Pride ħabtet ‘head-on’ ma’ vettura oħra tat-tip Toyota Yaris wara li qabżet is-‘central strip’ u ħabtet mal-karozza l-oħra, li kienet qed tinstaq fid-direzzjoni opposta.

Il-karozza tat-tip Kia Pride kienet qed tinstaq fid-direzzjoni lejn il-Marsa minn żagħżugħ ta’ 19-il snea minn Birkirkara. Miegħu kellu żewġ żgħażagħ oħra ta’ 19-il sena wkoll. Il-vettura l-oħra, tat-tip Toyota Yaris kienet qed tinstaq minn mara ta’ 33 sena minn Kerċem (Għawdex).

L-erba’ persuni ttieħdu l-isptar Mater Dei fejn aktar tard, iż-żagħżugħ li kien qed isuq il-Kia kien ċertifikat li sofra minn ġrieħi gravi, iżda mhux fil-periklu tal-mewt. Il-persuni l-oħra sofrew ġrieħi ħfief.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar dan l-inċident għadhom għaddejjin.