Internazzjonali

Il-Brexit jista’ jibda ‘kmieni s-sena d-dieħla’

Il-President tal-Kunsill Ewropew, Donald Tusk, semma ‘il-probabbiltà’ li l-Prim Ministru tar-Renju Unit, Theresa May, tattiva l-proċess formali biex pajjiżha jitlaq mill-Unjoni Ewropea sa minn kmieni s-sena d-dieħla.

Fil-fatt, Tusk tenna li May infurmatu li r-Renju Unit jista’ jkun lest biex jibda t-taħditiet għall-Brexit minn Frar li ġej. Min-naħa tagħhom, l-osservaturi qalu li dan hu ‘l-aktar sinjal ċar’ ta’ meta jista’ jibda l-proċess għall-irtirar tar-Renju Unit mill-UE, li mistenni jdum sentejn.

Fl-istess ħin, iżda, l-Uffiċċju tal-Prim Ministru tar-Renju Unit qal li l-proċess mhux se jibda din is-sena u lanqas ma kkonferma d-dettalji żvelati minn Tusk.

In-negozjati formali dwar l-irtirar tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea ma jistgħux jibdew sakemm il-Britanniċi jattivaw Artiklu 50 tat-Trattat ta’ Lisbona li hu l-mekkaniżmu formali għat-tluq mill-Unjoni.

L-inċertezza preżenti hi fuq kollox dovuta għan-nuqqas ta’ indikazzjonijiet  konkreti min-naħa tal-Gvern ta’ Theresa May. Hemm ukoll ammont ta’ konfużjoni dwar in-natura tar-relazzjoni futura ta’ Londra mal-Unjoni Ewropea, fost l-inċertezza dwar jekk ir-Renju Unit hux qed jaħseb biex ikompli bħala membru tas-suq komuni.

Donald Tusk żvela ‘l-iżviluppi fil-każ tal-Brexit’ meta kien qed jitkellem fis-Slovakkja, fejn sar is-summit informali ta’ Bratislava għall-Mexxejja tal-UE. Theresa May ma attendietx għal dan is-summit, b’Tusk isostni li ‘il-Prim Ministru tar-Renju Unit kienet miftuħa u onesta miegħu’ waqt laqgħa li huma kellhom f’Londra, matul il-ġimgħa li għaddiet.

Skont Tusk, May kienet iddikjarat li hi kważi impossibbli biex ir-Renju Unit jattiva Artiklu 50 din is-sena, ‘iżda ma eskludietx li l-affarijiet ikunu lesti kmieni s-sena d-dieħla, forsi bejn Jannar u Frar’.

Il-President tal-Kummissjoni Ewropea, Jean-Claude Juncker, insista li r-Renju Unit ma jistax ikollu aċċess għas-suq komuni mingħajr ma jaċċetta l-moviment ħieles ta’ ħaddiema.