“Afdaw mill-ġdid lill-Partit Nazzjonalista li hu l-uniku alternattiva reali għal Joseph Muscat. Il-Partit Nazzjonalista hu l-uniku triq għal min iħoss li Joseph Muscat ittradieh.”
Kien dan l-appell tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Buusttil meta kien qed jiġi intervistat mill-ġurnalist Peppi Azzopardi fl-ewwel jum tal-attivitajiet fuq il-Fosos tal-Furjana.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista kien mistoqsi dwar il-vot tal-Membri Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista kontra n-nomina ta’ Leo Brincat u saħaq li vot favur kien ikun ifisser vot favur il-korruzzjoni. Hu fakkar li ma kinux it-3 Membri Parlamentari Ewropej Nazzjonalisti biss li vvutaw kontra.
Simon Busuttil tkellem dwar diversi proposti tal-Oppożizzjoni fost dawn il-ħidma fuq it-tieni pre-budget document imressaq mill-Oppożizzjoni u l-proposta ta’ tram li jgħaqqad lil Malta u Għawdex.
Meta mistoqsi dwar ic-childcare centres Simon Busuttil qal li jaqbel li dawn jiġu estiżi għal ommijiet li ma jaħdmux. Dwar is-sick leave il-Kap tal-Partit Nazzjonalista saħaq li dan għandu jkun estiż ukoll biex jintuża mill-ġenituri meta t-tfal ikunu ma jifilħux.
Minkejja li l-Gvern qed jiftaħar b’ekonomija li qed tagħmel suċċess huwa falla milli joħloq niċeċ ġodda bil-Kap tal-Partit Nazzjonalista jissuġġerixxi settur ġdid ta’servizzi ta’media diġitali u settur ieħor li jwaħħad is-settur finanzjarju ma’ dak tekniku.
Meta mistoqsi dwar l-iskema ċedoli l-Kap tal-Partit Nazzjonalista fakkar f’dak li għamel Gvern Laburista li seraq il-proprjetà u għamilha tiegħu.
Matul l-intervista l-Kap tal-Partit Nazzjonalista tenna l-impenn tiegħu għal politika nadifa u saħaq li n-nies jivvutaw għal Prim Ministru nadif. Illum, saħaq Simon Busuttil, għandna Prim Ministru li ttradixxa l-fiduċja tal-poplu.
Quddiem dan l-ingann, sostna Simon Busuttil, jien irrid nirbaħ bil-verità. Kif fir-referendum għad-dħul ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea irbaħt bil-verità, irrid nerġa’ nirbaħ lil Joseph Muscat bil-verità.
//= $special ?>