Lokali

Jammetti li l-vot mis-Soċjalisti kien kontra l-governanza ħażina ta’ Muscat fl-iskandlu tal-Panama

Il-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna ammetta li l-vot mis-Soċjalisti fil-Parlament Ewropew kontra Leo Brincat kien vot dwar “dak li jemmen fih”, jiġifieri vot dwar kif Leo Brincat jemmen li Konrad Mizzi għandu jibqa’ Ministru minkejja li hu nvolut fl-iskandlu tal-Panama.

Wara l-vot qawwi kontra Leo Brincat fil-Parlament Ewropew, ħafna esprimew opinjoni li l-vot kien riżultat tal-governanza ħażina tal-Prim Ministru Joseph Muscat – li ma keċċiex lil Konrad Mizzi, anzi żammu hemm, b’appoġġ mill-Membri Parlamentari Laburisti kollha, fosthom Leo Brincat.

Filfatt, f’kummenti ma’ The Malta Independent, il-Ministru Edward Scicluna ammetta li l-vot ma kienx dwar Leo Brincat innifsu iżda dwar “dak li jemmen fih”. Hu għamel dan il-kumment meta kien mistoqsi dwar il-kritika li qed jiffaċċja Joseph Muscat għall-fatt li se jirrombla minn fuq il-Parlament Ewropew, u jibqa’ għaddej bin-nomina quddiem il-Kunsill Ewropew.

Edward Scicluna qal li l-partit tas-Soċjalisti fil-Parlament Ewropew (u li tiegħu l-Partit Laburista huwa membru) ma fehemx eżattament li l-vot ma kienx dwar Leo Brincat innifsu. Żied li kieku s-Soċjalisti fehmu l-vot aħjar, ir-riżultat seta’ kien differenti.

Iżda jirriżulta li l-partit tas-Soċjalisti Ewropej minn dejjem kien kontra l-iskandlu tal-Panama u bla tolleranza għal kull persuna li b’xi mod għandha x’taqsam mal-iskandlu tal-Panama. Filfatt, f’April li għadda, is-Soċjalisti ħarġu stqarrija li fiha ħeġġew lill-Gvernijiet biex jiġġieldu l-evażjoni tat-taxxa.

Nhar it-Tlieta li għadda, Leo Brincat falla fil-vot dwar in-nomina tiegħu għall-Qorti Ewropea tal-Awdituri, meta 381 MEP vvutaw kontrih. Il-Partit Nazzjonalista kien qal fi stqarrija, li l-vot ma kienx dwar Leo Brincat, iżda dwar l-iskandlu tal-Panama u l-mod kif il-Prim Ministru Joseph Muscat webbes rasu meta ma keċċiex lil Konrad Mizzi u lil Keith Schembri.

Konrad Mizzi u Keith Schembri nqabdu li fetħu kumpaniji sigrieti fil-Panama biex fihom jitfgħu is-senserija. Il-Panama hu pajjiż magħruf għal kumpaniji sigrieti li jinfetħu biex tkun evitata t-taxxa.