Il-kandidat Repubblikan Donald Trump, li, f’Novembru, jikkuntesta għall-Presidenza tal-Istati Uniti, kompla bis-sensiela ta’ kontroversji, fejn, mill-ġdid, spikkawlu kummenti li jitqiesu bħala ‘indikazzjoni għall-assassinar’ ta’ Hillary Clinton – ir-rivali kbir tiegħu fit-tellieqa għall-White House.
Intant, il-Partit Demokratiku ta’ Clinton ikkundanna l-kummenti bla riservi u qal li kliem bħal dan hu assolutament inaċċettabbli. Fil-fatt, l-aħħar rimarki ta’ Trump qed jitqiesu bħala simili għal diskors li hu stess kien għamel, ix-xahar li għadda, u li d-Demokratiċi wkoll kienu interpretaw bħala ‘sejħa għall-assassinar ta’ Hillary Clinton.’
Trump, li fil-lejl tal-Ġimgħa kien qed jindirizza rally politiku f’Miami, issuġġerixxa biex il-membri tas-sigurtà madwar Hillary Clinton ma jġorrux aktar armi, ‘u fejn wieħed, imbagħad, jara x’jiġri minnha’. F’dan il-każ. Trump deher li kien qed juża ton sarkastiku, fejn saħaq ukoll mas-sostenituri Repubblikani li Clinton ‘riedet tiċħadhom mid-dritt li jġorru l-armi tan-nar’ taħt l-istatut magħruf bħala Second Amendment.
Is-sostenituri Demokratiċi ta’ Clinton, mill-banda l-oħra, akkużaw lil Trump ‘b’li qed jinċita lin-nies għal vjolenza’.
Robby Mook, kelliem għal Hillary Clinton, spjega li, ‘irrispettivament minn jekk din kenitx ċajta min-naħa ta’ Trump inkella jekk hu riedx jipprovoka lid-dimostranti Repubblikani, jibqa’ l-fatt li dawn mhumiex kwalitajiet aċċettabbli għal kandidat li qed ifittex l-akbar rwol ta’ tmexxija fl-Istati Uniti’.
//= $special ?>