Lokali

Proġett ta’ parkeġġ taħt l-art fil-Mosta

Nhar it-Tlieta li ġej se toħroġ sejħa għall-offerta għal proġett ta’ bini ta’ parkeġġ taħt l-art fil-Mosta. Dan il-proġett li qed ikun appoġġjat mill-Kunsill Lokali b’maġġoranza Nazzjonalista fil-Mosta, se jkopri erba’ zoni; dik biswit iz-zuntier tal-Knisja tal-Mosta, oħra wara l-Knisja jiġifieri fejn hemm il-klabb tal-boċċi u żewġ zoni oħra fil-viċinanzi.
Preżentament hemm mat-58 parkeġġ ħdejn il-Pjazza tal-Mosta.

Waqt press briefing li sar minn Projects Malta, ingħad kif dan il-proġett għandu jkun lest fi żmien 30 xahar minn meta l-Awtorità għall-Ippjanar tkun approvat il-permess. Dan ifisser li sal-14 ta’ Novembru jridu jkunu daħlu s-sottomisjonijiet kollha u minn hemm jibda l-proċess ta’ evalwazzjoni ħalli jintagħżel l-aħjar offerent.

Is-sejħa għal dan il-proġett se tkun internazzjonali. Il-Gvern se jkun qed jitlob li fl-erba’ zoni tal-proġett ma jkunx anqas minn 350 spazju ta’ parkeġġ. Jekk ikun hemm offerta b’anqas minn dan l-ammont, awtomatikament mhux se tkun ikkunsidrata. Jekk imbagħad ikun hemm offerta li tkun kapaċi ddaħħal aktar minn 350 spazju ta’ parkeġġ fl-erba’ zoni, isiru aktar evalwazzjonijiet. Imma l-offerta tkun ikkunsidrata. Projects Malta qalet wkoll li se tkun qed tħares lejn l-esperjenza ta’ min qed jipproponi għall-proġett.

Iz-zoni nklużi se jkollhom konċessjoni tal-art tal-gvern għal 60 sena iżda din tgħodd biss għall-ispazju taħt l-art. Jiġifieri l-art li se tkun ‘il fuq mil-livell tat-triq mhux se tingħata titlu u se tibqa’ spazju pubbliku. Għalhekk minn jirbaħ il-konċessjoni irid anke jagħti dehra ġdida liz-zoni miftuħa għall-pubbliku bl-art tibqa’ tal-Gvern.

Waqt il-press briefing ingħad kif iz-zona ta’ wara l-Knisja bilfors irid isir parkeġġ taħt l-art. Dan ifisser li l-klabb tal-boċċi se jiġi rinovat b’tali mod li taħtu jista’ jkun hemm ukoll parkeġġ. Madankollu s-siġar li mhumiex endemiċi hemm se jitmexxew għal post ieħor.

Projects Malta qalet li l-parkeġġ se jkun bi ħlas li jrid jistabilixxi min jagħmel l-offerta iżda t-tariffi iridu jkunu jagħmlu sens soċjali. Dan hekk kif iz-zona hi frekwentata minn eluf ta’ persuni li jagħmlu użu mis-servizzi taċ-ċentru tas-saħħa tal-Mosta u għalhekk it-tariffi tal-parkeġġ iridu jirriflettu l-bżonnijiet ta’ dawn il-pazjenti.

Il-Mosta għandha popolazzjoni ta’ madwar 20,000 persuna, b’attività kummerċjali ta’ aktar minn 2,000 negozju li fihom jaħdmu mas-7,000 persuna. Dan minbarra li ta’ kull sena jżuru l-Mosta aktar minn nofs miljun turist.

Diġà saret investigazzjoni ġeoloġika li minnha rriżulta li taħt l-art hemm blat li huwa tajjeb biex jitħaffer. Se tkun qed issir anke sistema ta’ monitoraġġ tal-vibrazzjoni meta jkun qed isir it-tħaffir. Daħħlu wkoll limitu għall-piż li jiflaħ is-saqaf taz-zona ħdejn iz-zuntier. Dan hekk kif ġie kunsidrat li waqt il-festa tal-Mosta f’dik iż-żona partikolari jsir in-nar tal-art.

Meta tintagħżel il-proposta finali se jibdew sensiela ta’ konsultazzjonijiet u se jinħatar bord b’esperti tekniċi li se jsegwu l-proċess kollu tal-proġett. Fuq dan il-bord se jkun hemm anke tekniku bħala rappreżentant tal-Knisja li diġà ġie kkonfermat.

Projects Malta rringrazzjat lill-Kunsill Lokali tal-Mosta li hu favur proġett ta’ parkeġġ taħt l-art biex il-Mosta tkun aktar aċċessibbli.