Internazzjonali

Putin: ‘Ir-ribelli fis-Sirja ħadu vantaġġ mill-waqfien mill-ġlied’

Il-President tar-Russja, Vladimir Putin, qal li l-gruppi tar-ribelli fis-Sirja qegħdin jisfruttaw il-ftehim attwali għal waqfien mill-ġlied biex jorganizzaw ruħhom mill-ġdid.

Putin kompla li l-Istati Uniti, li qed tappoġġja diversi gruppi ta’ ribelli fis-Sirja, ‘spiċċat tikkonċentra aktar fuq l-impenji biex dawk ir-ribelli jżommu l-kapaċità militari milli biex tissepara lir-ribelli moderati minn oħrajn militanti’. Hu spjega li l-Amerikani, għaldaqstant, jidhru li qabdu ‘triq perikoluża’.

Is-separazzjoni tar-ribelli moderati u militanti fis-Sirja hi fost l-iskopijiet ewlenin tal-ftehim għal waqfien mill-ġlied li daħal fis-seħħ min-nhar it-Tnejn fit-territorji Sirjani.

Min-naħa tiegħu, Vladimir Putin ħeġġeġ biex l-Istati Uniti ‘tagħmel pubbliku’ l-ftehim għall-waqfien mill-ġlied fis-Sirja.

Il-President tar-Russja kompla, waqt żjara li kien qed jagħmel fil-Kyrgyzstan, li Moska qed tirrispetta l-obbligi tagħha taħt il-ftehim dwar is-Sirja. Hu żied li anki l-Gvern tal-President Sirjan, Bashar al-Assad, ‘qiegħed jonora bis-sħiħ’ il-kriterji tal-patt.

Fl-aħħar jiem, kibret it-tensjoni bejn Washington u Moska rigward ir-rwol tal-entitajiet tar-ribelli fis-Sirja. Intant, it-tfixkil u l-intoppi għall-impenji ta’ fejda u t-trasport tal-għajnuna lis-Sirjani komplew iżidu mat-tensjoni.

L-Istati Uniti, issa, qalet li għexieren ta’ truppi Amerikani jinsabu stazzjonati fl-artijiet tal-fruntiera bejn is-Sirja u t-Turkija biex jiġġieldu kontra l-militanti tal-ISIS. Dan qed jingħad li seħħ fuq it-talba speċifika tat-Turkija.