Il-Pentagon tal-Istati Uniti qed jgħid li nqatel kap ewlieni ieħor tal-ISIS waqt attakk mill-qawwiet tal-ajru Amerikani fuq zona qrib ta’ Raqqa, fis-Sirja.
It-terrorista maqtul kien jismu Wa’il Adil Hasan Salman Al Fayad u kien iservi bħala l-Ministru għall-Informazzjoni tal-ISIS. L-istess terrorista kien jieħu ħsieb il-produzzjoni tal-filmati ta’ propaganda li juru l-esekuzzjonijiet tal-priġunieri tal-ISIS. Dan meta Fayad serva wkoll bħala membru tal-Kunsill ta’ Shura, li hu l-ogħla grupp ta’ tmexxija fi ħdan l-ISIS.
L-attakk li qatel lil Al Fayad qed jingħad seħħ fis-7 ta’ Settembru. Fayad hu wkoll magħruf bħala assoċjat ewlieni tal-istrateġista tal-ISIS, Abu Muhammad al-Adnani, li tilef ħajtu x-xahar li għadda, b’konsegwenza ta’ attakk ieħor mill-ajru.
Al-Adnani, li kellu ‘profil għoli ħafna’ fi ħdan l-ISIS, kien jikkoordina l-movimenti tat-terroristi minbarra li kien jinkoraġġixxi ‘l-azzjonijiet individwali ta’ militanti’ fil-konfront tal-militar u ċ-ċivili. L-istess strateġista tal-ISIS anki kien jirrekluta ‘b’mod attiv’ il-membri ġodda għal mal-grupp tiegħu.
Is-Segretarju għall-Istampa tal-Pentagon, Peter Cook, ħareġ stqarrija fejn qal li ‘l-eliminazzjoni tal-kapijiet ewlenin tal-ISIS qed tnaqqar mill-kapaċità tat-terroristi biex jibqgħu jikkontrollaw it-territorji fis-Sirja u l-Iraq’. L-istqarrija kompliet li dawn l-attakki fuq l-akbar kapijiet tal-ISIS qegħdin itellfu lill-grupp qattiel milli jippjana, jiffinanzja u jmexxi l-attakki ‘ġewwa u madwar ir-reġjun’.
//= $special ?>