Internazzjonali

Attakk li jipperikola l-waqfien mill-ġlied fis-Sirja

 

Il-ftehim għall-waqfien mill-ġlied fis-Sirja jinsab f’periklu wara li l-qawwiet tal-ajru Amerikani wettqu attakk fuq territorji Sirjani tal-Lvant fejn mietu għexieren ta’ truppi tal-Gvern li qegħdin jiġġieldu lit-terroristi tal-ISIS.

L-Ambaxxatur Russu għan-Nazzjonijiet Uniti, Vitaly Churkin tkellem dwar l-aħħar kriżi meta r-Russja sostniet li l-attakk xeħet il-ftehim tas-Sirja ( li kien diġà f’sitwazzjoni fraġli) f’dubju kbir. Dan wara li almenu 62 suldat Sirjan tilfu ħajjithom fl-attakki mill-qawwiet Amerikani li saru fil-lejl tas-Sibt fuq iz-zona ta’ Deir al-Zour.

Min-naħa tagħha, l-Istati Uniti esprimiet dispjaċir għat-telf ta’ ħajja li qalet ma kenitx intenzjonata. Kelliema f’Washington sostnew li l-ajruplani tal-gwerra tal-koalizzjoni taħt it-tmexxija tal-Amerikani kienu waqqfu l-attakki inkwistjoni ladarba kienu infurmati bil-preżenza tal-militar Sirjan, f’Deir al-Zour.

Il-ftehim għal waqfien mill-ġlied fis-Sirja ilu effettiv minn nhar it-Tnejn. Iżda għalissa ma kenux irrispettati ċerti kriterji importanti tal-patt, fosthom it-trasferiment ta’ għajnuna, taħt sigurtà, lill-aktar Sirjani fil-bżonn li huma residenti fl-ibliet li ġarrbu l-akbar impatt tal-konflitt.

Intant, l-attakk fuq Deir al-Zour ikkaġuna tensjoni kbira bejn l-Istati Uniti u r-Russja waqt li l-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti kien qed jiltaqa’ matul il-lejl tas-Sibt. Fil-fatt, ir-rappreżentanti tal-Istati rispettivi qabdu u telqu ‘il barra waqt li kienu għaddejjin id-diskorsi ‘tan-naħa l-oħra’.