Qawwiet leali għall-Gvern Libjan għall-Għaqda li jgawdi l-appoġġ tan-Nazzjonijiet Uniti bdew offensiva biex jieħdu lura l-kontroll ta’ erba’ portijiet taż-żejt ewlenin lejn il-Lvant tal-Libja.
Il-portijiet, għalissa, huma kkontrollati minn qawwiet rivali. Intant, kelliema għal qawwa mmexxija minn Khalifa Haftar, kmandant tal-milizzja kontroversjali u avversarju tal-Gvern għall-Għaqda, qalu li ‘il-ġellieda li jappoġġjaw lil Haftar kienu qed jirreżistu l-offensiva f’Ras Lanuf’.
Il-qawwiet tal-Gvern Libjan għall-Għaqda li hu bbażat fi Tripli sostnew li kienu qegħdin jattakkaw, almenu, żewġ portijiet ewlenin – dak f’Ras Lanuf u ieħor f’Al-Sidra. Sorsi qrib dawn il-qawwiet qalu wkoll li ‘il-qawwiet ta’ Haftar kienu qed jużaw l-ajruplani tal-gwerra kontra tagħhom’.
It-telfa tal-portijiet kienet daqqa ta’ ħarta għall-Gvern Libjan appoġġjat min-NU li jiddependi mid-dħul miż-żejt u li qed isibha diffiċli biex jikkonsolida l-awtorità tiegħu mindu waqqaf il-bażi fi Tripli, f’Marzu li għadda.
Sadanittant, Haftar, li jqis lilu nnifsu bħala ‘s-Salvatur tal-Libja’ wara li keċċa lill-militanti Iżlamiċi mill-belt ta’ Benghazi, hu l-aktar sostenitur b’saħħtu tal-Gvern Libjan li għandu s-sede tiegħu fl-artijiet Libjani tal-Lvant u li jibqa’ rivali tal-Gvern Libjan għall-Għaqda, fi Tripli.
//= $special ?>