Lokali Qorti

Il-leblieba għas-sigaretti tiswielu l-liberta’ u €5,000

Raġel ta’ 41 sena kien ikkundannat 6 xhur ħabs u tilef il-garanzija personali ta’ €5,000 wara li kiser il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest imposti fuqu b’rabta ma’ każ pendenti.

Quddiem il-Maġistrat Francesco Depasquale, Matthew Piscopo mill-Furjana ammetta li mar f’bar fil-Furjana stess biex jixtri pakkett sigaretti għall-ħabta tas-2a.m., bi ksur tal-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest.

Meta l-Maġistrat irrimarkalu kemm ġewh għoljin dawn is-sigaretti, l-akkużat wieġeb li kienu spiċċawlu.

Il-Qorti irrevokat il-ħelsien mill-arrest li ngħata f’Ottubru tas-sena li għaddiet u kkundannat lil Piscopo għal 6 xhur ħabs. Ordnat ukoll li l-€5,000 garanzija personali li kienu parti mill-kundizzjoni tal-liberta’ proviżorja, jgħaddu minnufih favur il-Gvern ta’ Malta.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Carlos Cordina

Akkużat b’serq u miżappropjazzjoni

Fl-istess seduta quddiem il-Maġistrat Francesco Depasquale tressaq ukoll Stefano Montebello ta’ 31 sena akkużat b’serq u miżappropjazzjoni f’inċidenti separati fl-Imrieħel, Ħal Lija u Ħal Qormi.

Montebello kien akkużat li fid-19 u 20 ta’ Lulju li għadda fl-Imrieħel wettaq miżappropjazzjoni ta’ għodda li kienet fdata lilu għad-danni ta’ EHL Hire Shop. Li fis-16 ta’ Awwissu u fil-jiem ta’ wara f’Ħal Lija wettaq miżappropjazzjoni għad-dannu ta’ Smart Technologies Ltd u li fis-7 ta’ Settembru seraq vettura tal-għamla Rover minn Triq l-Imdina f’Ħal Qormi.

Montebello, li kien akkużat ukoll li hu reċidiv, wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih.

Hu diġa’ kien tressaq jumejn ilu f’każ separat akkużat bl-istess tip ta’ reat.

Il-Qorti ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest minħabba li għad iridu jinstemgħu iktar xhieda u minħabba l-fatt li l-akkużat bħalissa m’għandux indirizz fiss.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Roderick Agius

Iż-żewġ akkużati kienu assistiti mill-Avukat tal-Għajnuna Legali Yana Micallef Stafrace