Il-poplu Russu vvota fl-elezzjonijiet għall-Parlament meta ftit hemm dubju li s-sostenituri tal-President Vladimir Putin se jikkonsolidaw posthom fl-assemblea u meta wieħed għadu jistenna l-ewwel exit polls.
L-elettorat fir-reġjuni lejn il-Lvant imbiegħed kienu l-ewwel li vvutaw, fejn kienu segwiti mir-residenti ta’ reġjuni oħra f’pajjiż fejn hemm effettivi 11 il-time zone.
L-aħħar elezzjonijiet parlamentari (fir-Russja) kienu saru fl-2011 u, din id-darba, saru wkoll elezzjonijiet fil-Krimea, li Moska kienet ħatfet lill-Ukrajna fl-2014.
L-elettorat fir-Russja, intant, kellu jagħżel 450 deputat għall-kamra t’isfel tal-Parlament (Duma) u li se jservu għall-ħames snin li jmiss. L-assemblea li waslet biex tispiċċa kienet tinkludi biss ftit deputati b’aġenda ‘kontra Vladimir Putin’.
L-elezzjoni fir-Russja saret ukoll fi żmien meta l-pajjiż qed jiffaċċja l-problemi ekonomiċi, fost il-battibekki bejn Moska u l-Punent fir-rigward tal-konflitti rispettivi li għaddejjin fl-Ukrajna u s-Sirja.
Fl-Ukrajna, bħalissa, hemm tensjoni għolja, meta l-Gvern fi Kiev hu rrabjat ferm dwar l-elezzjoni fil-Krimea li, illum, qed tifforma parti mir-Russja. Dan wara li, fl-2014, kien sar referendum mhux rikonoxxut għall-awto-determinazzjoni tal-penisola.
Kelliema Russi qalu li osservaturi tal-organizzazzjoni internazzjonali tas-sigurtà OSCE kellhom isegwu l-elezzjoni fl-Ukrajna, fejn qed jgħixu madwar 80,000 votant Russu.
Il-Parlament tal-Ukrajna, ir-Rada, ħeġġeġ biex il-pajjiżi ma jibgħatux osservaturi ‘għall-elezzjonijiet tar-Russja fil-Krimea’ u biex ‘ma jkunux rikonoxxuti r-riżultati fil-penisola’. Dan il-Parlament wissa li ‘kwalunkwe żjarat ta’ dan it-tip kellhom ikunu trattati daqslikieku abbuż kriminali tal-fruntieri tal-Ukrajna.’
//= $special ?>