Internazzjonali

Jinqatel ‘suldat tal-ISIS’ li darab tmienja waqt attakk f’Minnesota

 

Raġel armat b’sikkina attakka lin-nies ġo kumpless kummerċjali fl-Istat Amerikan ta’ Minnesota, qabel spiċċa maqtul minn pulizija li ma kienx fuq xogħol dak il-ħin.

Intant, sigħat wara, ħarġet stqarrija mill-fergħa tal-midja tal-ISIS fis-sens li l-aggressur maqtul ‘kien wieħed mis-suldati’ tal-grupp terroristiku.

L-attakk seħħ fl-inħawi ta’ St Cloud, xi 110 kilometri fil-majjistral ta’ Minneapolis u fejn irriżultaw, almenu, tmien midruba.

Qed jingħad, intant, li l-aggressur għamel referenzi għal ‘Allah’ qabel spiċċa maqtul minn tiri li sparalu l-pulizija inkwistjoni. L-aħħar rapporti qalu li ħadd fost il-midruba ma jinsab f’periklu li jitlef ħajtu.

Is-suspettat, li ma kienx identifikat, kien liebes l-uniformi ta’ kumpanija tas-sigurtà privata meta beda jattakka lin-nies.

Il-Kap tal-Pulizija f’St Cloud qal li l-aggressur kien staqsa almenu persuna waħda fl-inħawi ‘jekk hi kinetx Musulmana’, bil-Pulizija għadha qed tinvestiga ċ-ċirkustanzi.

Sadanittant, l-awtoritajiet ma għandhom l-ebda raġuni jew provi biex jaħsbu li kien hemm aktar minn raġel wieħed involut fl-attakk fil-kumpless kummerċjali.